Il-Partit li qed imexxi l-Gvern tal-Polonja insista li bl-ebda mod ma jrid itellef id-demokrazija fil-pajjiż wara li mijiet ta’ eluf ta’ dimostranti ħadu sehem f’waħda mill-akbar dimostrazzjonijiet f’Varsavja mindu krollat it-Tmexxija komunista fl-aħħar xhur tal-1989.
Id-dimostrazzjoni tal-Ħadd fil-kapitali riflettiet ir-rabja tal-poplu għal diversi issues minbarra l-frustrazzjoni tan-nies dwar l-għoli tal-ħajja u n-nuqqas ta’ rikonoxximent għad-drittijiet tal-mara min-naħa tal-Partit PiS – l-akbar partit fil-Polonja li l-Kap tiegħu hu Jaroslaw Kaczynski.
Iżda l-akbar inkwiet jirrigwarda liġi ġdida li l-politiċi u osservaturi qed ifissru bħala miżura li tnaqqas mid-demokrazija fil-Polonja. Il-liġi qed tkun ikkritikata mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti peress li wittiet it-triq għal kummissjoni biex tinvestiga l-influwenza tar-Russja fil-politika tal-Polonja. L-istess liġi anki tippermetti biex persuni jkunu projbiti minn funzjoni pubblika għal għaxar snin.
Preżenti għad-dimostrazzjoni kbira f’Varsavja kien hemm l-eks Prim Ministru Pollakk Donald Tusk u Lech Walesa – l-eks President Pollakk bejn l-1990 u l-1995 u s-simbolu tal-moviment Solidarnosc li fis-snin tmenin irreżista b’daqstant qlubija lill-Gvern komunista Pollakk ikkontrollat minn Moska.
Hu kalkulat li aktar min-nofs miljun ruħ attendew għad-dimostrazzjoni tal-Ħadd li kienet organizzata fil-jum meta l-pajjiż kien qed ifakkar l-34 anniversarju tal-ewwel elezzjonijiet parzjalment ħielsa fuq livell nazzjonali. Fost il-folla tal-Ħadd kien hemm eluf ta’ Pollakki li vjaġġaw minn kull rokna tal-pajjiż waqt li saru wkoll id-dimostrazzjonijiet simili f’diversi bliet oħra tal-pajjiż, inkluża l-belt ta’ Krakovja.
//= $special ?>