Enerġija Lokali

Ir-rapport dwar il-windfarms tal-Montenegro ma jistax jinżamm moħbi

Żvolta ġdida fil-każ tal-windfarms kontroversjali tal-Montenegro, hekk kif issa l-Enemalta ġiet ordnata sabiex ir-rapport dwar dan id-deal ma jibqax miżmum moħbi.

Kollox beda wara talba li saret mit-Times of Malta skont il-Liġi tal-Libertà tal-Informazzjoni – talba li t-Times kienet għamlet biex takkwista kopja ta’ dan ir-rapport, u li sabet reżistenza qawwija minn naħa tal-Enemalta. Tant li f’Settembru li għadda, l-istess Enemalta ċaħdet aċċess għal dan ir-rapport.

Issa, kien il-Kummissarju tad-Data Protection u l-Informazzjoni illi ordna direttament lill-Enemalta biex tgħaddi kopja ta’ dan ir-rapport lit-Times fi żmien 20 ġurnata.

Siltiet żgħar minn dan ir-rapport kienu diġa’ ġew pubblikati fl-estimi finanzjarji tal-Enemalta għas-snin 2019 u l-2020. U minn hawn, wieħed seta’ faċilment jinduna kif l-Enemalta – dak iż-żmien – ma kelliex mekkaniżmu jew gwida ċara biex tanalizza l-possibbiltà ta’ ħasil ta’ flus fid-deals li jkunu qed isiru.

Fl-2015, l-Enemalta kienet xtrat dawn il-windfarms fil-Montenegro għal aktar minn 10 miljun ewro – it-triplu tal-prezz li kien tħallas ġimgħatejn qabel mill-kumpanija Cifidex. Cifidex kienet l-kumpanija offshore li biegħet shares lill-Enemalta f’Diċembru tal-2015. Din l-istess kumpanija kienet ta’ Turab Musayev li kien parti mill-Bord tal-Electrogas, flimkien ma’ Yorgen Fenech.

L-aġenzija Reuters u t-Times of Malta f’Ġunju tal-2020 żvelaw kif l-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, daħħal €4.6 miljun fi profitt permezz tal-kumpanija tiegħu 17 Black wara d-deċiżjoni tal-Enemalta li tixtri windfarm fil-Montenegro.