Lokali

Isir appell qawwi biex il-Gvern jieħu ħsieb l-ambjent

Fil-5 ta’ Ġunju jitfakkar il-Jum Dinji tal-Ambjent… u  kien għalhekk li l-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent ħadet din l-opportunità biex tinsisti fuq il-bżonn li jsiru t-tibdiliet meħtieġa ħalli nipproteġu l-ambjent taghna u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini f’pajjiżna.

Il-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja appellat biex isir studju nazzjonali dwar il-propjetà minn entità awtonoma – liema studju għandu jintuża għar-reviżjoni tal-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp u l-Pjani Lokali.

Issemmiet ukoll l-importanza li jingħata veto lill-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi u lis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali fejn jidħlu proġetti li jaffettwaw siti jew proprjetà li huma protetti mil-liġijiet li permezz tagħhom twaqqfu dawn iż-żewġ istituzzjonijiet.

Apparti dan…. hemm bżonn li ma jkomplux jiġu applikati I-kunċetti ta’ “preċedent” u “aspettativa leġittima” fil-proċessi ta’ deċiżjonijiet. Dawn il-kunċetti m’għandhom l-ebda bażi fil-liġi tal-ippjanar u m’għandhomx x’jaqsmu ma’ prattika tal-ippjanar li tagħmel sens.

Issemmiet ukoll il-ħtieġa li tkun introdotta liġi li tindirizza l-kwistjoni tal-istorbju u l-effett li dan qed iħalli fuq ir-residenti, inklużi ħsejjes marbuta ma’ divertiment li jibqa’ għaddej sa tard bil-lejl.

Il-Kummissjoni appellat lill-awtoritajiet biex jaġixxu minnufih ħalli tassew jipproteġu l-ambjent naturali u urban li jsostni l-benessere u s-saħħa mentali tal-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Kummissajoni Ambjent tal-Knisja fakkret kif għaddew tliet snin minn meta għalqet il-konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tar-Rural Policy tal-2014 – policy li dahhal Gvern Laburista u li permezz tagħha borġ ġebel fil-kampanja jinbidel f’bini abitabbli.

Din il-policy u l-applikazzjonijiet għal żvilupp li qed jistennew li jkunu approvati taħtha, qed jheddu l-integrità ta’ siti ‘Natura 2000’. U r-reviżjoni ta’ din l-istess policy għadha ma ġietx approvata. Dan filwaqt li għadha ma ttieħdet ebda azzjoni biex tinbidel id-Development Control and Design Guidance tal-2015; policy li qed tkun il-kaġun tal-qerda tal-irdumijiet f’Għawdex, bir-riżultat li f’medda qasira ta’ żmien Għawdex tilef il-karatteristika tal-pajsaġġ uniku tiegħu.