Ambjent Lokali

L-Ambjent: Nagħmluh Dritt Malti – PN

Wara li l-ġimgħa li għaddiet tnediet il-konsultazzjoni pubblika mill-Partit Nazzjonalista dwar l-introduzzjoni tal-Ambjent bħala wieħed mid-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem fil-Kostituzzjoni Maltija, illum ġie ppreżentat l-Abbozz ta’ Liġi – l-aktar liġi b’saħħitha favur l-Ambjent li qatt kellna f’pajjiżna.

Matul konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Gvern Lokali u l-Amministrazzjoni Pubblika Darren Carabott, mill-Kelliem għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Stanley Zammit u mill-Kelliem għall-Ambjent, il-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda u d-Drittijiet tal-Annimali Janice Chetcuti, ingħad li dan hu mod kif il-Partit Nazzjonalista se jintroduċi skrutinju pubbliku dwar deċiżjonijiet ambjentali, filwaqt li jiftaħ aktar il-parteċipazzjoni pubblika fuq deċiżjonijiet ambjentali.

Il-kelliema qalu li għalhekk, wara konsultazzjoni ma’ esperti legali fil-qasam kostituzzjonali ta’ pajjiżna, kien ippreżentat Abbozz ta’ Liġi fil-Parlament, bl-appoġġ tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, biex ikun introdott dan id-Dritt Fundamentali tal-Bniedem: “Il-persuni kollha f’Malta għandhom id-dritt li jgħixu f’ambjent nadif, san u sostenibbli.”
F’dan l-Abbozz, il-Partit Nazzjonalista inkluda wkoll bidliet legali importanti, fosthom:– 

Ftaħna d-definizzjoni ta’ Ambjent biex tfisser l-arja, l-ilma, u l-art, kif ukoll l-ekosistema u dak kollu li jifforma parti minnha, ir-riżorsi naturali u fiżiċi kollha li jaffetwaw il-ħajja umana.– 

Fl-istess waqt, il-kelma Ambjent se ssir tfisser ukoll il-kundizzjonijiet soċjali, koerenza estetika u attributi kulturali.– Mhux se jibqa’ l-bżonn li turi interess personali biex tiftaħ kawża kostituzzjonali dwar l-Ambjent fil-Qrati Maltin u għalhekk, se tingħata aktar saħħa għal skrutinju pubbliku min-nies u mill-għaqdiet.– 

Għall-ewwel darba wkoll, se tingħata l-awtorità għall-infurzar bil-liġi, f’każi ambjentali fejn il-Qorti tara li jista’ jkun hemm jew se jkun hemm ħsara ambjentali.

Peress li din hi emenda kostituzzjonali, il-Partit Nazzjonalista jappella lid-Deputati tal-Gvern biex il-Kamra tar-Rappreżentanti tivvota unanimament favur din l-emenda, li għandha bżonn tal-anqas żewġ terzi biex tiġi approvata u tidħol fis-seħħ.

Dan hu l-akbar pass ambjentali li qatt ittieħed minn partit politiku fl-aħħar snin u l-Partit Nazzjonalista hu kburi li għamel dan.