Internazzjonali

L-Awstralja: Inġustizzja kbira ma’ mara li skuntat 20 sena ħabs bħala ‘serial killer’

Xjenzata Spanjola kienet strumentali għall-ħelsien ta’ mara li damet il-ħabs għal 20 sena wara li nstabet ħatja dwar il-qtil tal-erba’ uliedha.

Għal dawn is-snin kollha, Kathleen Folbigg, li llum għandha 55 sena, kienet meqjusa bħala ‘l-aktar mara mibgħuda fl-Awstralja’ b’konnessjoni mal-każ —  iżda hi, issa, ingħatat il-libertà wara inkjesta li esponiet waħda mill-akbar inġustizzji fl-istorja tal-Awstralja.

Folbigg, li kienu jirreferu għaliha bħala ‘l-agħar serial killer feminili’ fil-pajjiż, fl-2003, kienet ikkundannata dwar il-qtil ta’ tlieta minn uliedha u dwar il-qtil involontarju tar-raba’ wild,

Il-Prosekuturi qalu li ulied il-mara –bejn disa’ ġimgħat u tlett snin – mietu ‘fgati taħt idejn ommhom’ iżda Folbigg dejjem ċaħdet l-akkużi fost l-insistenza li uliedha kienu mietu minn kawżi naturali.

Il-ħelsien tal-omm sar possibbli grazzi għax-xjenzata Carola Garcia Vinuesa li, bl-għajnuna tal-kollegi, irnexxilha turi li t-tfal setgħu mietu tassew minn kawżi naturali. Ix-xjenzata qed tgħid li mhemm l-ebda provi wara t-teorija li ‘dawn spiċċaw maqtulin minn ommhom’ u li kienu biss iċ-ċirkustanzi li rriżultaw fi priġunerija għal Folbigg peress li kienet hi li sabithom mejtin.

Intant, il-maħfra lill-mara ibbażat fuq element kbir ta’ dubju fil-każ u mistenni li inkjesta sussegwenti għandha tinvalida kompletament l-akkużi oriġinali miġjuba kontra Kathleen Folbigg.