Lokali

L-għaqda Rota.mt tisħaq li t-tibdil li sar fit-triq tal-Għadira ħolqot iżjed traffiku

L-organizzazzjoni Rota.mt temmen bis-sħiħ li triq li kienet żewġ karreġġjati titbiddel għal karreġġjata waħda tista’ tkun soluzzjoni effettiva biex jiġu indirizzati l-problemi ta’ konġestjoni, iżda trid tiġi implimentata b’mod korrett.

Fil-jiem li għaddew reġgħet infetħet Triq il-Marfa fl-Għadira, b’Infrastructure Malta – responsabilità tal-Ministru għall-Infrastruttura Aaron Farrugia – għamlu triq li kienet żewġ karreġġjati għal karreġġjata waħda iżda skont l-għaqda rota.mt din m’hiex soluzzjoni billi qed tonqos milli tipprovdi soluzzjonijiet alternattivi għas-sewqan fl-ispazju miksub.

Dan fid-dawl li fi tmiem il-ġimgħa, numru kbir ta’ persuni, li ddeċidew li jgawdu tmiem il-ġimgħa fil-gżira ta’ Għawdex, spiċċaw staġnati u mwaħħlin fit-traffiku bejn it-triq taċ-Ċirkewwa lejn l-Għadira.

Minħabba diversi ilmenti, l-organizzazzjoni rota.mt ħarġet b’soluzzjoni alternattiva sabiex tonqos il-konġestoni tat-traffiku fit-triq tal-Għadira billi l-korsiji tat-traffiku jinżammu f’kull direzzjoni, iżda jiġu nkorporati korsiji dedikati għaċ-ċiklisti, persuni mexjin u utenti oħra tat-triq li jfittxu metodi ta’ trasport alternattivi.

“F’dawn l-aħħar snin inbnew żoni kbar ta’ parkeġġ eżatt fil-qrib, għalhekk, parkeġġ bla restrizzjonijiet f’din it-triq ma għandux ikun prijorità. Dan il-pjan komprensiv jiżgura użu bilanċjat u effiċjenti tal-ispazju tat-triq, li jakkomoda l-ħtiġijiet ta’ diversi utenti filwaqt li jtaffi l-konġestjoni.”

l-Għaqda Rota.mt jisħaq illi billi Triq il-Marfa fl-Għadira hija l-unika triq bejn il-Mellieħa u t-Torri l-Aħmar, triq għaċ-ċikliżmu għandha tingħata prijorità u mhux titħalla barra.