Il-Ministeru tad-Difiża tar-Russja qal li l-qawwiet ta’ pajjiżu ġabu fix-xejn attakk kbir li l-qawwiet tal-Ukrajna wettqu fuq ir-reġjun ta’ Donetsk. Dan waqt li l-Kremlin f’Moska qed jgħid li nqatlu talanqas 300 suldat Ukreni waqt il-ġlied u li l-Ukrajna tilfet anki numru sinifikanti ta’ tankijiet tal-gwerra u vetturi armati.
Intant, mhux eskluż li l-Ukrajna tista’ qed tibda l-offensiva kbira biex tieħu lura l-artijiet tagħha li għadhom okkupati mir-Russi u wara stennija fit-tul għal azzjoni deċiżiva mill-qawwiet ta’ Kiev.
Iżda fl-istess ħin, l-Ukrajna dejjem insistiet li ma kellha tagħti l-ebda twissija bikrija għall-offensiva – bil-militar Ukren jikkuntesta l-aħħar rapporti tar-Russja bl-istqarrija li ’ma sar l-ebda attakk kbir ( mill-Ukreni) fuq ir-reġjun ta’ Donetsk’.
L-istqarrijiet trijonfali tar-Russi dwar is-suċċess militari lanqas ma kienu konfermati mis-sorsi indipendenti – bl-Ukreni jsostnu li ‘huma mhumiex lesti li jikkummentaw fuq il-fake news maħruġ minn Moska’.
Hu minnu wkoll, iżda, li l-azzjonijiet militari reġgħu żdiedu fl-Ukrajna, bl-Ukreni jkomplu jagħmlu xi kisbiet żgħar fuq il-kampijiet tal-battalja. Għaldaqstant, numru ta’ sorsi jemmnu li l-offensiva kbira tal-Ukreni setgħet bdiet tassew anki jekk Kiev ma jridx jiżvela d-dettalji u l-iżviluppi.
Min-naħa tagħhom, ir-Russi fid-Donetsk qalu li kienu preparati għall-attakk kbir mill-qawwiet Ukreni fosthom diversi battaljuni tat-tankijiet . Ir-Russi spjegaw li l-Ukreni, waqt l-azzjoni, ippruvaw jegħlbu lid-difiżi tagħhom f’zona indikata bħala vulnerabbli – ‘u fejn huma spiċċaw isofru disfatta kbira’.
L-Uffiċjali tal-Ukrajna, sadanittant, qed iwissu biex ma ssirx spekulazzjoni pubblika dwar l-offensiva kbira pjanata għaliex din tista’ tgħin lill-għadu. Dan ukoll meta mistenni li l-Ukreni se jkollhom jiġġieldu l-battalji fit-tul biex jilliberaw numru ta’ territorji f’pajjiżhom li jinkludu zoni li ilhom disa’ snin ikkontrollati mir-Russi.
//= $special ?>