Kien hemm ħafna dubji dwar l-integrità ta’ Joseph Muscat u x’kienet ir-raġuni vera li għażel li jidħol fil-politika. Illum il-ġurnata, qed naraw aktar minn qatt qabel il-vera kuluri tiegħu.
Hekk iddikjara l-editur tal-gazzetta ILLUM, illi fil-ħarġa tal-Ħadd ta ħarsa lejn dak li assistejna għalih fl-aħħar ġimgħat b’rabta ma’ Joseph Muscat – bil-kritika lejh ma taqta’ xejn.
Il-ġurnal ifakkar kif dak li ħareġ fl-aħħar jiem rigward l-eluf li ħa minn konsulenzi… aktar qed iqajjem mistoqsijiet milli risposti. Fost dawn l-eluf ta’ ewro li daħħal fil-but l-eks Mexxej Laburista, hemm il-konsulenza ta’ 12-il elf ewro fix-xahar li skont Muscat saret għal kumpanija tal-papagalli.
Iżda l-aktar ħaġa inkwetanti, apparti l-ammont kbir ta’ flus li daħħal f’butu xahar wara ieħor, hija l-fatt li l-konsulenzi li saru minn Muscat kienu għal kumpanija falluta immexxija minn persuna li ħa estensjoni ta’ 64 sena għall-Casino – mingħajr ma kienet ħarġet sejħa pubblika.
L-Editorjal jgħid illi huwa ċar li Joseph Muscat ħa konsulenza ta’ eluf ta’ ewro għal xogħol li żgur mhux relatat mal-papagalli.
U kien hawnhekk fejn staqsa ta’ xiex eżatt qed jieħu dawn l-eluf kollha.
L-editur jgħid ukoll illi dan kollu qed jikxef illi minkejja li Muscat kien sar Mexxej tal-Partit Laburista bl-għajta ta’ “stil ġdid ta’ tmexxija”, għaxar snin wara qed naraw kif daħaq b’dawk kollha li emmnu fih.
Fl-aħħar intervista li kellu l-ġimgħa li għaddiet….Muscat baqa’ jinsisti li fi żmienu l-affarijiet setgħu saru aħjar. Għalkemm jibqa’ jtenni li hu qatt m’għamel xejn ħażin.
“Meta l-affarijiet imorru tajjeb kulħadd jippopa sidru, meta l-affarijiet ma jmorrux tajjeb kulhadd ifarfar u jwarrab,” kien qal Muscat. “Ci sta. Kull min kien involut kien involut kull min kellu jkun mgħarraf kien mgħarraf. Bilanċ bejn ministri li kienu ppikati ma’ xulxin. Dejjem setgħu jsiru aħjar l-affarijiet.”
Fl-istess intervista, Joseph Muscat kritika l-aħħar rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-isptarijiet….fejn insista li kollox jintqal skont l-interpretazzjoni. Muscat stqarr li l-iżbalji li jsemmi l-Awditur huma kollha frott l-għaġla. Iżda, minkejja kollox xorta waħda ddefenda lil sieħbu u l-istar candidate Laburista Konrad Mizzi hekk kif insista li mhux veru li żgwida l-Kabinett.