Lokali Qorti

Sena ħabs u multa għal Eġizzjan b’rabta ma’ dħul ta’ immigranti

Eġizzjan ta’ 35 sena li jgħix Birżebbuġa kien ikkundannat sena ħabs u mmultat €500 wara li ammetta li daħħal Malta immigranti llegalment. Mohammed Ahmed Elgamal. Hu ammetta li fl-14 ta’ Settembru li għadda għen biex persuni jidħlu Malta bla permezz.

Ammetta wkoll li stad fl-ibħra Maltin mingħajr liċenzja u li ppermetta l-bastiment tas-sajd “Black Beauty” jinstaq minn persuna bla liċenzja tal-baħar. Elgamal ammetta l-akkużi miġjubin kontrih quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

Mill-provi rriżulta li l-bastiment li minn fuqu kien jagħmilha ta’ sajjied mingħajr liċenzja tas-sajd kien reġistrat mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura. Il-Qorti fuq dan l-aspett qalet li tkun qed tonqos jekk issib persuna ħatja ta’ fatti li ma jirriżultawx mill-provi li jitressqu quddiemha u għalhekk illiberatu minn dik l-akkuża anke jekk ammetta għall-akkuża.

Fil-fatt dwar dan il-Qorti qalet li għalkemm ġiet reġistrata ammissjoni anke rigward li stad fl-ibħra tas-Sajd Maltin, mingħajr liċenzja mgħotija taħt il-Kapitolu 425 tal-Liġijiet ta’ Malta u dan bi ksur tal-Artikolu 10 (1) tal-Kapitolu 425 tal-Liġijiet ta’Malta, il-fatti jindikaw li l-bastiment kien wieħed reġistrat Malta meta din l-akkuża tikkontempla sitwazzjoni fejn il-bastiment tas-sajd ikkonċernat hu barrani.

Fil-fatt jirrizulta mill-atti li l-bastiment li minn fuqu kien jagħmilha ta’ sajjied mingħajr liċenzja tas-sajd kif ukoll meta l-luzzu ma kellux liċenzja biex iwettaq sajd, kien reġistrat mad-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura Dwar il-piena, il-Maġistrat Frendo Dimech qieset li Elgamal mhux biss ammetta imma kkopera mal-awtoritajiet waqt li għamlet ukoll għall-immigrazzjoni irregolari.

“Biex tintrebaħ il-ġlieda kontra dan il-fenomenu li jisfrutta l-miżerja ta’ persuni kostretti li jfittxu ħajja aħjar, fejn ir-reat jitwettaq fid-dalma tal-lejl u fi klima ta’ omertà assoluta, hu essenzjali li persuni li kienu komparteċipi u/jew involuti f’tali għemil.

Kemm il-darba ma jkunux jew jibqgħu ko-imputati, jagħtu x-xiehda tagħhom,” qalet il-Maġistrat. Għaldaqstant huwa ġie kundannat sena ħabs u €500. It-talba minn naħa tal-prosekuzzjoni għall-konfiska tal-bastiment ġiet miċħuda mill-Qorti. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Karl Roberts. L-Avukati Mario Mifsud u Nicholas Mifsud deheru għal Elgamal.