Lokali Qorti

15-il xahar ħabs wara li ammetta li seraq flus u ġojjelli minn appartament

Raġel ta’ 42 sena mill-Georgia ġie kundannat 15-il xahar ħabs mill-Maġistrat Ian Farrugia wara li ammetta li fl-1 ta’ Awwissu tal-2019 għall-ħabta tal-10am seraq €4,000 fi flus u ġojjelli minn appartament fil-Mosta. L-Ispettur Christina Delia ressqet lil Giorgadze Tengizi Mamagejschwili  fejn dan ammetta mill-ewwel l-akkużi miġjubin kontrih dik li wettaq is-serqa għad-dannu ta’ koppja li għandha tifel li dak iż-żmien kellu tmien snin.

Fil-qorti preżenti kien hemm wieħed mill-vittmi fejn fil-każ tat-tifel dan għadu jbati minn trawma ta’ dak li seħħ u dejjem jaħseb li se jkun hemm xi ħadd fid-dar li se jwettaq xi serqa. Huwa ammetta wkoll li fl-istess data u ħin għamel ħsara fl-appartament li hija ta’ aktar minn €250 iżda inqas minn €2,500, liema appartament jinsab fi Triq Walter L. Salomone.

Il-Qorti ma ħaditx konjizzjoni tal-fatt li huwa ġie mixli wkoll li sar reċediv bil-ħati bħalissa jinsab jirrisjedi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin minħabba li għandu kawżi pendenti wkoll ma’ każijiet ta’ serq minn appartamenti. Għal Ġorġjan deher l-Avukat Noel Bianco.