Lokali Unjoni Ewropea

EUROBAROMETER: Il-Maltin inkwetati dwar il-livell tal-għajxien tagħhom

L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jinsabu biss sena ‘l bogħod, b’Malta se tkun qed tivvota fit-8 ta’ Ġunju.

Kien fid-dawl ta’ dan illi sar stħarriġ – magħruf aħjar bħala il-Eurobarometer – illi jkejjel is-sitwazzjoni taċ-ċittadini Ewropej, f’diversi aspetti.

Minn dan l-istħarriġ ħareġ li fil-maġġoranza, il-Maltin qed iħossu li l-għoli tal-ħajja u l-piż tal-prezzijiet affetwawlhom sew ħajjithom.

Fil-fatt, 62% tal-parteċipanti jħossu li l-livell t’għajxien tagħhom mar għall-agħar, bi 83% jemmnu li l-livell t’għajxien tagħhom se jibqa’ jiġi affetwata f’mod negattiv matul is-sena li ġejja.

Meta ġew mistoqsija jekk isibux diffikultajiet biex iħallsu l-kontijiet, kważi 30% qalu illi isibuha diffiċli minn żmien għal żmien jew saħansitra kważi dejjem biex ilaħħqu mal-ispejjeż.

F’dan l-istħarriġ ħareġ ukoll li l-Maltin jittamaw li l-Parlament Ewropew jagħti prijorità lill-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u lid-demokrazija. Fil-fatt, 49% tal-Maltin mhumiex sodisfatti bil-livell ta’ demokrazija f’pajjiżna.

Kważi 50% iħossu li huwa importanti li jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej, b’87% jemmnu li l-Unjoni Ewropea għandha impatt pożittiv fuq pajjiżna.

Meta ġew mistoqsija għalfejn jivvutaw, fil-maġġoranza tal-Maltin qalu li jivvutaw biex juru s-sapport tagħhom lil xi partit politiku jew lil kandidat partikolari.

Minn naħa l-oħra, stħarriġ li sar fil-bqija tal-pajjiżi Ewropej juri li fil-maġġoranza jivvutaw għax iħossu li huwa d-dmir tagħhom … u biex jaraw li jsir it-tibdil meħtieġ.

Il-Maltin li qalu li ma jridux jivvutaw, fil-maġġoranza tagħhom qalu illi jħossu li l-vot tagħhom mhu se jkun qed ibiddel xejn. Filwaqt li oħrajn ma tinteressahomx il-politika.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-parteċipanti Maltin iħossu li huwa importanti ferm li pajjiżna jifforma parti mill-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, huma biss 8% li mhumiex kuntenti li Malta hi parti minn din l-Unjoni.