Internazzjonali

Haiti: Għexieren ta’ mejtin fost l-għargħar

Mal-50 persuna tilfu ħajjithom f’diversi zoni ta’ Haiti li ntlaqtu minn għargħar qawwi dovut għall-ħalbiet tax-xita fit-tul ta’ tmiem il-ġimgħa. Dan meta numru ta’ persuni ilhom il-jiem neqsin – b’ ‘il fuq minn 13,000 jispiċċaw jgħixu bħal refuġjati minħabba li djarhom spiċċaw inabitabbli fiċ-ċirkustanzi.

Il-belt ta’ Leogane, lejn il-lbiċ tal-kapitali, Port-au-Prince, intlaqtet l-agħar mill-elementi – bis-sitwazzjoni tidher iddisprata anki għar-residenti fi provinċji oħra ta’ din il-gżira fqira fil-Karibew.

L-Uffiċjali f’Leogane sostnew li r-residenti tal-belt ‘tilfu kollox’ b’kaġun tal-għargħar u ssemmiet anki l-possibbiltà kbira li jinstabu ħafna aktar vittmi fl-inħawi matul is-sigħat u l-jiem li ġejjin.

Il-Prim Minsitru ta’ Haiti, Ariel Henry, qal, intant, li l-Gvern tiegħu u s-sieħba internazzjonali kienu qed jieħdu l-miżuri urġenti biex jimminiminizzaw kemm jistgħu l-impatt tad-diżastru għar-residenti tal-ibliet mifqugħin bl-ilma.