Lokali

Il-bejjiegħa tal-Farmers Market għadhom fil-għama

Ħallewhom għal riħhom qalb xeba’ tajn, għadajjar u inġenji.

Numru ta’ bejjiegħa tal-ħaxix li jarmaw fis-Suq tal-Bdiewa f’Ta’ Qali qalulna kif fl-aħħar ġranet spiċċaw ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu… hekk kif il-maġġoranza tat-toroq f’Ta’ Qali ilhom xhur bix-xogħol għaddej fihom. Bil-bejjiegħa issa spiċċaw f’post diżastruż.

Wieħed mill-bejjiegħa, John Bartolo, spjegalna kif l-awtoritajiet injoraw it-talbiet tagħhom biex ikollhom post sigur sakemm jitlesta x-xogħol.

Hu kompla jispjega kif mhux talli ma tawhomx post sigur iżda saħansitra kienu mwiegħda tinda biex tilqalhom kontra l-elementi – liema tinda m’għandhomx idea meta se ssir.

Is-Sibt li għadda, l-istess bejjiegħa sabu il-parkeġġ li s-soltu jużaw mimli karozzi pparkjati. Dan hekk kif fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien hemm attività tal-massa f’Ta’ Qali. Bl-awtoritajiet qatt ma tawhom avviż u gwida dwar dan.

U filwaqt li ma kellhomx idea x’suppost jagħmlu, l-Aġenzija li jaqgħu taħtha pruvat twissihom biex ma jitkellmux dwar dak kollu li għaddejjin minnu… filwaqt li ma tagħthom l-ebda soluzzjonijiet.