Edukazzjoni Lokali

Il-Ministru Clifton Grima jgħid li dawn huma ‘ilmenti ġustifikati’

Fl-aħħar jiem kienu bosta l-ġenituri li għamlu kuntatt ma’ Net News fejn urew it-tħassib tagħhom għall-fatt li t-tfal tagħhom se jispiċċaw mingħajr LSE. Dan minħabba li numru ta’ LSE’s li jaħdmu fl-iskejjel sekondarji ġew mitluba sabiex fil-jiem tal-eżamijiet iservu bħala invigilators.

Deċiżjoni li ta’ kull sena toħloq problemi għal dawk il-ġenituri li t-tfal tagħhom għandhom bżonn l-assistenza ta’ Learning Support Educator.

Fil-jiem li matulhom isiru l-eżamijiet, dawn l-istudenti, ikunu eżentati milli jpoġġu għall-eżamijiet u jingħataw l-istruzzjoni biex ma jmorrux skola. Dan b’detriment għall-eduzzjoni tat-tfal u anke fuq il-ġenituri hekk kif għal dawn il-jiem ikollhom problema fejn se jħallu lit-tfal tagħhom sakemm huma jmorru x-xogħol. 

Dwar din il-kwistjoni, Net News staqsa lill-Ministru responsabbli mill-edukazzjoni Clifton Grima… fejn ammetta li kien hemm bosta ġenituri li kellmuh dwar din is-sitwazzjoni li jgħaddu minnha ta’ kull sena.

U saħansitra qal li dawn huma ilmenti ‘ġustifikati’ – f’kelma waħda ammetta li hemm nuqqas min-naħa tal-Gverm f’dan ir-rigward.

Bil-Ministru, għalkemm assigura li se jsib rimedju għal din il-kwistjoni… fl-istess ħin ammetta li l-Gvern għandu problema sabiex jattira studenti ġodda li jidħlu għal din il-professjoni.

S’issa, għalkemm il-ġenituri rċevew korrispondenza min-naħa tal-Ministeru li se jkunu qed isiru xi arranġamenti biex ikunu akkomodati dawn l-istudenti, ma kien hemm ebda komunikat li ppreċiża kif se jsiru dawn l-arranġamenti.