Lokali

“Kumpless residenzjali b’numru ta’ faċilitajiet sportivi” – Torri Gardens Limited

Wara li preżentament qiegħdha ssir pressjoni sabiex l-applikazzjoni biex jinħareg permess għall-ħażna tal-gas quddiem l-iskola Primarja f’Ħal Lija jitwaqqaf, tkellmu id-Diretturi ta’ Torri Gardens Limited – l-applikanti, fejn qalu li l-kumpless li qabel kien magħruf bħala ‘University of Malta Residence’ għadu qed jiġi operat kummerċjalment mill-kumpanija fejn tipprovdi diversi faċilitajiet residenzjali lil numru ta’ nies.

Torri Gardens Limited insistew li għal għexieren ta’ snin il-kumpless residenzjali kien mgħammar b’ tankijiet LNG sabiex il-gass ikun sors primarju ta’ enerġija primarja għal tisħin. Dan kien konformi u f’proporzjon mar-rekwiżiti ta’ enerġija li kellu bzonn il-kumpless kollha kemm hu. Sabiex titjieb is-sigurtà tas-sors tal-enerġija LNG u tkompli tiġġenera l-enerġija sabiex jigu msahna l-kmamar tar-residenza bl-aktar mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, il-Kumpanija ddeċidiet li tinstalla tankijiet godda sabiex jinhazen LNG li jissostitwixxi dak li diġà kien jeżisti dawn l-ahhar ghexieren ta’ snin.
Il-proċess ta’ installazzjoni qed isegwi l-proċeduri kollha skond il-liġi u mhux se joħloq l-ebda periklu għas-saħħa u s-sigurtà tat-tfal u residenti li jokkupaw il-binjiet tal-madwar. Din is-sistema hija l-istess waħda użata minn negozji u residenzi madwar il-pajjiż li jeħtieġu l-ġenerazzjoni tal-enerġija permezz tal-LNG. Dan jinkludi propjetajiet fil-vicinza ta’ din il-propjeta u li joffru servizzi simili. L-imsemmija sistema tikkonsisti f’żewġ tankijiet tal-gass ‘il fuq mill-art twal 2.4 metri u b’dijametru ta’ metru. Għalhekk hija sistema żgħira li ġiet approvata mill- Enemalta.

Il-Kumpanija hija impenjata li żżomm relazzjonijiet tajba mal-komunità tal-madwar u tirribatti kwalunkwe allegazzjoni infondata li li twassal sabiex tfixkel ir-relazzjonijiet tajba eżistenti. Għaldaqstant, il-proprjetà mhux se tinbidel f’impjant ta’ hażna tal-LNG. Iż-żona se tibqa’ kumpless residenzjali b’numru ta’ faċilitajiet sportivi.