Lokali Qorti

L-Imħallef twissi biex ma tiġi ‘leaked’ ebda evidenza fil-każ ta’ Yorgen Fenech mixli bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

L-Imħallef Edwina Grima wissiet lil avukati involuti fil-każ ta’ Yorgen Fenech biex ma joħorġu ebda evidenza lill-midja jew lil terzi persuni. F’digriet li tat, l-imħallef saħqet fuq id-deċiżjoni li hi tat f’Novembru tal-2021 biex ma jiġu ppubblikati jew imxerrda ebda dokumenti mill-każ li bih Fenech jinsab mixli bl-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.  

L-Imħallef Grima fid-digriet tagħha qalet li ebda dokument ma jista’ jiġi ppubblikat la fil-midja u lanqas fuq il-midja soċjali bħal Facebook, sakemm dan ma jiġux ippreżentati fil-qorti b’mod miftuħ. Saħqet li din l-ordni tgħodd għall-avukati kollha involuti f’dan il-każ.

Hi qalet ukoll li l-qorti tipprojbixxi lill-partijiet fil-kawża u lill-avukati rispettivi tagħhom li jgħaddu kopji ta’ dawn id-dokumenti lil terzi, ikunu min ikunu, anki jekk huma persuni mhux involuti fil-midja, sakemm ma jingħatawx permess speċjali biex jagħmlu dan minnha.

Kompliet tgħid li l-imħallfin huma normalment prudenti ħafna fil-lingwaġġ li jużaw u s-sempliċi fatt li Grima għażlet li tenfasizza li d-digriet tagħha japplika wkoll għall-avukati ġie interpretat minn nies fil-professjoni legali bħala ċanfira severa.

Din id0deċiżjoni waslet wara li ftit tax-xhur ilu ġew ippubblikati numru ta’ chats WhatsApp estratti mill-mobile ta’ Yorgen Fenech mill-ġurnalista Mark Camilleri. Iċ-chats kienu skambji bejn Fenech u mbagħad id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar. Sussegwentement, Grima ordnat lill-pulizija biex tieħu passi kriminali kontra Camilleri għal disprezz tal-qorti.