Internazzjonali

L-Istati Uniti: Mike Pence jikkonferma ruħu bħala kandidat fit-tellieqa għall-White House

Il-Viċi President Mike Pence

L-eks Viċi-President Amerikan uffiċjalment issieħeb mal-grupp tal-kandidati li qed jittamaw li jikkuntestaw għall-Presidenza tal-Istati Uniti għan-nom tal-Partit Repubblikan fl-Oppożizzjoni.

Pence, fl-aħħar sigħat, ippreżenta d-dokumentazzjoni meħtieġa fost l-istennija li hu jħabbar il-kampanja permezz ta’ filmat u diskors relatat mad-deċiżjoni tiegħu. Mistenni anki li jsir avveniment relatat mal-kandidatura ta’ Pence fl-Istat ta’ Iowa.

Dan kollu jfisser li Mike Pence, li għandu 63 sena, se jikkuntesta għat-tikketta Repubblikana kontra l-eks President Amerikan Donald Trump u wara li hu kien il-‘Viċi’ ta’ Trump għal erba’ snin bejn l-2017 u l-2021.

Fil-preżent, Trump għadu l-favorit kbir li jikseb in-nomina tal-Partit Repubblikan skont l-aħħar stħarriġ pubbliku – u fost indikazzjonijiet li Pence jinsab ‘it-tielet fit-tellieqa’.

Mike Pence qed jibbaża l-kampanja tiegħu fuq kontinwazzjoni tal-aġenda konservattiva li spikkat waqt l-Amministrazzjoni ta’ Trump u qed iwiegħed biex imexxi pajjiżu ‘mingħajr il-kontroversji ta’ snin ilu’ jekk kemm il-darba l-poplu jafdah bil-vot.