Internazzjonali

L-Ukrajna: Attakk fuq diga tipperikola lill-popu ċivili fost il-kundanna tal-UE

L-Unjoni Ewropea għamlitha ċara li  ‘il quddiem iridu jsiru l-kontijiet mar-Russja għal attakk li seħħ sigħat ilu fuq diga ewlenija fir-reġjun ta’ Kherson u li qed jissemma bħala reat ieħor fil-lista tal-atroċitajiet imwettqa mir-Russi fiż-żmien kollu li ilha l-Gwerra tal-Ukrajna.

Ir-Russi, fil-preżent, qed jokkupaw diversi zoni ta’ Kherson fejn fl-aħħar sigħat kienu għaddejjin l-evakwazzjonijiet tar-residenti waqt li l-mewġ tal-ilma mid-diga kienu qed jifqgħu l-inħawi. Dan wara li d-diga ġarrbet il-ħsarat kbar fi splużjoni li qed jingħad li twettqet bħala parti mill-kampanja ta’ terrur li l-Kremlin ta’ Vladimir Putin qed iwettaq fuq iċ-ċivili Ukreni.

Id-diga tinsab fil-belt ta’ Nova Kakhovka u hemm talanqas għaxar zoni residenzjali taħt l-ilma fir-reġjun ta’ Kherson. Fl-istess ħin, kien iddikjarat stat ta’ emerġenza fid-distrett ta’ Nova Kakhovka u bir-residenti ta’ distretti oħra wkoll jiffaċċjaw sitwazzjonijiet simili u allarmanti.

Min-naħa tagħha, ir-Russja qed twaħħal l-attakk fl-Ukreni, bil-kelliema f’Moska jinsistu li l-isplużjoni kienet kollha parti minn azzjoni ta’ sabutaġġ premeditata mill-Gvern Ukren biex ir-Russja tidher ħażin f’għajnejn id-dinja. Fl-istess ħin, l-uffiċjali f’Kherson li huma leali lejn Moska qalu li l-parti ta’ fuq tad-diga kienet inqerdet taħt il-qilla ta’ bumbardamenti – iżda dan ma kienx verifikat mis-sorsi indipedenti.

Sadanittant, il-President tal-Kunsill tal-UE, Charles Michel, kien fost l-ewwel uffiċjali tal-Punent li rrefera għall-qerda tal-infrastruttura ċivili tal-Ukreni bħala reat tal-gwerra – u fejn hu akkuża direttament lir-Russja dwar l-attakk. Dan għaliex id-digi huma parti mill-insfrastruttura ċivili u ġeneralment ma jitqiesux bħala ‘miri validi u aċċettabbli’ għal azzjonijiet militari waqt ċirkustanzi ta’ gwerra.

L-Unjoni Ewropea, min-naħa tagħha, akkużat lir-Russja dwar ‘barbariżmu’, bil-kelliem għall-Kummissjoni Ewropea, Peter Stano, jirreferi għall-attakk fuq id-diga bħala ‘sinjal ġdid ta’ eskalazzjoni tal-gwerra’. Hu sostna li l-aggressjoni tar-Russja fil-konfront tal-Ukreni issa laħqet livell mingħajr preċedent u li qed jidher       ċar permess ta’ dawn l-attakki.

Fl-istess ħin, l-Uffiċċju tal-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li l-attakk fuq id-diga ta’ Kakhovka wassal biex ix-Xmara ta’ Dnipro tispiċċa kontaminata b’150 tunnellata ta’ lubrikant industrijali. Dan waqt li numru kbir ta’ komunitajiet Ukreni kienu qed jiffaċċjaw il-prospett ta’ qerda assoluta mill- għargħar sussegwenti, bil-President Zelensky isostni li l-impatt ta’ dan jistgħu jinħassu f’talanqas 80 belt u villaġġ tal-Ukrajna.