Lokali

AĠĠORNATA: Erba’ persuni l-isptar wara inċident fid-daħla tal-mini ta’ Paceville

Erba’ persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura wara li kienu involuti f’inċident li seħħ fi Triq Reġjonali…. fid-daħla tal-mini ta’ Paceville.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4.20 fejn mill-ewwel investigazzjonijiet jidher li sewwieq, raġel ta’ 42 sena residenti San Pawl il-Baħar, li kien qed isuq vann kummerċjali tat-tip Mercedes Sprinter tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu bil-konsegwenza li kellu impatt ma’ ħajt… preċiżament mad-daħla tal-mina.

Immedjatament fuq il-post issejħu l-Pulizija, tim mediku kif ukoll membri tal-protezzjoni ċivili li bdew bil-ħidma tagħhom sabiex joħorġu lill-persuni li nqabdu fil-vann.

Aktar tard ambulanzi ħadu l-erba’ persuni l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa fejn ix-xufier ġie ċċertifikat bi ġrieħi ta’ natura ħafifa, filwaqt li żewġ passiġġieri, Ġermaniż ta’ 31 sena u Olandiż ta’ 39 sena ġew iċċertifikati bi ġrieħi gravi. Il-kundizzjoni tal-passiġġier l-ieħor, raġel ta’ 31 sena min-Nepal għadha pendenti.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.