Lokali

Tfittxija għal ħalliel li seraq ħanut tal-merċa

Il-Pulizija qed tfittex raġel li daħal jisraq minn ħanut fi Triq ix-Xitwa f’San Pawl il-Baħar.

Il-każ seħħ il-bieraħ, għall-ħabta tad-9:30pm, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kienet seħħet serqa minn ħanut tal-merċa f’din it-triq.

Il-Pulizija marret fil-post fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel b’wiċċu mgħotti u armat b’sikkina, daħal fil-ħanut u talab il-flus lill-impjegata, mara ta’ 52 sena.

Il-ħalliel ħarab mill-post wara li seraq ammont ta’ flus kontanti.

Ħadd ma weġġa’ waqt is-serqa, bil-Pulizija għaddejja bit-tfittxija għall-ħalliel.

Il-Maġistrat tal-Għassa Marse-Ann Farrugia ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.