Internazzjonali Lokali

Tikber il-kriżi tas-Soċjalisti: aktar rejds b’rabta ma’ Qatargate

L-uffiċini tal-MEPs li sa ftit ġimgħat ilu kienu jiffurmaw parti mill-grupp tas-soċjalisti, li tagħhom hu membru il-Partit Laburista Malti, t-Tlieta filgħodu kienu fil-qofol ta’ rejd mwettaq mill-Pulizija Belġjana.

Ir-rejd twettaq bħala parti mill-investigazzjoni relatata mal-hekk imsejjaħ Qatargate. Xhieda fuq il-post qalu li diversi uffiċjali tal-pulizija kienu preżenti għar-rejd. Iż-żewġ MEPs fil-qofol tal-investigazzjoni tal-lum, Andrea Cozzolino u Marc Tarabella, qed jiġu akkużati li, waqt li kienu fil-familja tal-grupp Soċjalista, kienu nvoluti f’tixħim mal-pajjiżi tal-Qatar u l-Marokk.

Dan l-iskandlu hu marbut ma’ Eva Kaili, l-eks Viċi President Soċjalista, li wkoll qed tkun akkużata b’korruzzjoni u ħasil tal-flus. Skandlu li tefa’ għajnejn il-Pulizija Belġjana fuq grupp ta’ MEPs Soċjalisti li allegatament kienu qed jieħdu flus biex jinfluwenzaw il-proċessi fil-Parlament Ewropew favur il-Qatar u l-Marokk.

Il-Grupp tas-Soċjalisti – li minnu jifforma parti l-Partit ta’ Robert Abela u l-MEPs tiegħu – ħa daqqa kbira b’dan l-iskandlu, tant li l-effetti fuq dan il-grupp għadhom jinħassu sal-lum kif jixhed ir-rejd imwettaq mill-Pulizija Belġjana wara komplew b’aktar investigazzjonijiet. Minkejja dan l-iskandlu, is-soċjalisti għadhom ma ħadu l-ebda azzjoni fil-konfront ta’ MEPs li huma membri tal-familja politika tagħhom, li nstabu ħatja ta’ reati kriminali, fosthom l-MEP Laburista Cyrus Engerer. Huwa kien instab ħati mill-Qorti li wettaq tixrid ta’ pornografija.

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kienet bdiet proċeduri biex dawn l-MEPs li qed jiġu akkużati titneħħielhom l-immunita’ parlamentari. Fil-fatt, kienu bosta li faħħru l-passi li kienet u għadha qed tieħu Roberta Metsola biex titwettaq riforma fil-Parlament Ewropew, li tagħmel il-Parlament Ewropew aktar trasparenti, kontabbli u miftuħ. Ħafna minn dawn ir-riformi ta’ Roberta Metsola diġa’ bdew jitwettqu u jħallu l-frott.