Lokali

Carmen Ciantar terġa’ tappella lil Angelo Gafa sabiex jinvestiga l-każ tagħha

Għat-tieni darba f’temp ta’ ftit jiem, Carmen Ciantar – il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, qed terġa’ tappella lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa sabiex jinvestiga l-każ tagħha b’mod urġenti.

Dan hekk kif issa għaddiet iktar minn ġimgħa u Angelo Gafa għadu ma ħa ebda azzjoni quddiem l-allegazzjonijiet li ħarġu fil-konfront tal-id il-leminja tal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne.

Ftit tal-jiem ilu ġie rappurtat li Carmen Ciantar allegatament daħħlet fil-but ‘il fuq minn €400,000 mill-kumpanija Gozo International Medicare Ltd; kumpanija li hi parti mill-Vitals.

Bl-iskandlu ta’ dawn il-flejjes tant jikber…illi Carmen Ciantar spiċċat kellha tissospendi lilha nnifisha mill-FMS sabiex, fi kliemha, tkun tista’ tiddefendi l-pożizzjoni tagħha.

F’email lill-Ministru tas-Saħħa, Carmen Ciantar qalet li qed tieħu dan il-pass sabiex tħares l-interessi tal-Gvern u se tkun qed tikkunsidra l-passi kollha neċessarji ħalli tiddefendi isimha u l-integrita’ tagħha.

Issa l-Avukat ta’ Ciantar bagħat ittra lill-Kummissarju tal-Pulizija fejn qed jitolbu sabiex jeżerċita l-poteri kollha għad-diżposizzjoni li tagħtih il-liġi u jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet. Dan għaliex huwa dritt ta’ kull ċittadin Malti li jitlob li tkun iċċarata l-pożizzjoni tiegħu.

U biex il-kobba tkompli titħabbel… b’rabta ma’ dan il-każ, fl-aħħar jiem kien hemm żvolta ġdida, hekk kif sar magħruf li r-rapporti dwar l-id il-leminija ta’ Chris Fearne ġew illikjati apposta mill-klikka ta’ Joseph Muscat – bl-indikazzjonijiet juru li ż-żewġ fazzjonijiet spiċċaw iduru għal xulxin.

Il-Vitals kienet il-kumpanija li ngħatat il-konċessjoni mill-Gvern biex tmexxi l-isptarijiet St Luke’s, Karin Grech u t’Għawdex; konċessjoni li wara marret għand Steward Healthcare u li ġiet ikkundannata mill-Qorti bħala frawdolenti. Dan apparti li hemm tliet rapporti iebsin tal-Awditur Ġenerali illi jikkundannaw dan id-deal li sewa lil pajjiżna aktar minn 400 miljun ewro mit-taxxi tagħna.

Il-gazzetta The Daily Pakistan ippubblikat rapport illi fih intqal li kumpanija b’rabta ma’ Ram Tumuluri, li kien direttur tal-Vitals, għamlet għadd ta’ pagamenti lil Ciantar. Ir-rapport jgħid li t-trasferimenti li saru juru ħlasijiet suspettużi lill-id il-leminija tal-Ministru Chris Fearne. Skont dan l-artiklu, hi allegatament irċeviet total ta’ €443,500 – flus li tħallsu f’kont f’Dubai.