Lokali

Dgħajsa ġdida li se tgħin fil-ħidma tas-CPD

Fl-aħħar jiem id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kompja jiġi immodernizzat sabiex jilħaq aspetti usa’ fl-assistenza u s-salvataġġ tiegħu.

B’investiment ta’ ’l fuq minn €2 miljun ġiet imsaħħa s-sezzjoni marittima tal-Protezzjoni Ċivili b’dgħajsa ġdida, bil-għan li tlaħħaq aħjar f’inċidenti ta’ nirien ta’ bċejjeċ tal-baħar żgħar u medji, kif ukoll se tkun tista’ tipprovdi l-ewwel intervent fuq nirien ta’ bastimenti kbar.

Ġie inawgurat ukoll it-tieni Rigid Inflatable Boat, b’investiment ta’ €300,000, li se jintuża għas-salvataġġ ta’ persuni f’diffikultà qrib l-irdumijiet kif ukoll għal operazzjonijiet oħra ta’ salvataġġ.

L-inawgurazzjoni ta’ dawn iż-żewġ opri tal-baħar saret it-Tlieta waranofsinhar fil-preżenza tad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro.

Coleiro qal li din id-dgħajsa ġdida toffri rispons rapidu fuq il-baħar b’veloċità ta’ 44 knot u kif ukoll l-possibilità ta’ tifi tan-nar, ta’ ftit aktar minn 5,000 litru fil-minuta, minn fuq quddiem tad-dgħajsa u kif ukoll il-possibilità li l-pumpiera jitilgħu bil-manek fuq il-bċejjeċ milquta min-nirien u jsir tifi tan-nar aktar tradizzjonali.

Saħaq li l-gżejjer tagħna huma mdawrin bil-baħar u din id-dgħajsa hija magħmula apposta biex tkun tista’ tidħol f’bajjiet ristretti u tipprovdi salvataġġ meħtieġ. Żied jgħid li tista’ tintuża ukoll fil-funzjoni ta’ bawser tat-tifi tan-nar u tipprovdi ilma lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili mix-xatt. Id-dgħajsa stess tista’ tkun hi li tipprovdi il-possibbiltà li jsir tifi tan-nar minn fuq il-baħar għal fuq l-art.