Futbol Sport

Fiorentina biċ-ċans li jsir it-tieni tim Taljan li jirbaħ il-UEFA Conference League

(Ritratt: EPA)

Fil-finali tal-UEFA Conference League, Fiorentina jaffrontaw lil West Ham United, illejla fid-9pm fl-Eden Arena fi Praga.

It-tim Taljan immexxi mill-kowċ Vincenzo Italiano għandu l-opportunità li jkun it-tieni tim Taljan li jirbaħ il-UEFA Conference League, b’Roma jkunu r-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni.

Il-logħob offensiv tal-Viola jagħmilhom l-aktar tim li skorjaw gowls fil-kompetizzjoni din is-sena, b’36 gowl f’14-il logħba, b’7 minn dawn jaslu mill-aqwa skorer Arthur Cabral.

Fiorentina qed jimmiraw li jżidu tazza Ewropea oħra mal-unika unur li għandhom fl-Ewropa, fil-forma ta’ UEFA Cup Winners Cup fl-istaġun tal-1960-61, li kien l-istaġun li din il-kompetizzjoni ġiet inawgurata, bl-aħħar edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni tintlagħab fl-istaġun 1998-1999, bir-rebbieħa jkunu Lazio hekk kif għelbu lil Mallorca bl-iskor ta’ 2-1.

Fiorentina kellhom jilagħbu partita iktar mill-avversarji tagħhom hekk kif temmew fit-tieni post wara Istanbul Basaksehir, fejn għelbu lil Braga b’aggregate ta’ 7-2 biex avvanzaw għall-aħħar sittax, fejn hemm għelbu t-tim Tork Sivasspor b’aggregate ieħor impressjonanti ta’ 5-1.  Il-Viola affrontaw lil Lech Poznan fil-kwarti finali biex bis-saħħa ta’ rebħa komda fl-ewwel leg, irnexxielhom jgħaddu għas-semi finali b’aggregate ta’ 6-4.

L-iktar konfront missielet għalihom f’din il-kompetizzjoni wasal fis-semi finali kontra Basel hekk kif għelbu lit-tim Svizzeru b’gowl ta’ Antonin Barak fil-ħin barrani biex b’hekk għaddew għall-ewwel finali Ewropea tagħhom mill-1990 b’aggregate ta’ 4-3.

Fil-kamp l-ieħor, West Ham United marru pass iktar mis-sena l-oħra hekk kif għaddew għall-finali, bid-differenza mis-sena l-oħra fejn tilfu l-konfront tagħhom fis-semi finali kontra Eintracht Frankfurt.

Il-Hammers huma wieħed mit-timijiet li rebaħ l-unur tal-UEFA Intertoto Cup fl-1999 b’rebħa ta’ 3-1  kontra Metz. Apparti dan l-unur prestiġjuż, bħall-avversarji tagħhom, West Ham ukoll rebħu l-UEFA Cup Winners Cup fl-istaġun tal-1964/1965 meta għelbu lil 1860 Munich 2-0 f’Wembley Stadium.

West Ham United ma sabu l-ebda diffikultà fil-vjaġġ tagħhom lejn il-finali, hekk kif rebħu l-logħob kollu fil-gruppi biex temmew fl-ewwel post bi 18-il punt, b’ Anderlecht jispiċċaw fit-tieni post.

Rebħa komda ta’ 6-0 fuq żewġ logħbiet kontra AEK Larnaca fil-fażi tal-aħħar sittax kienet l-ikbar rebħa tagħhom f’dan l-istaġun. West Ham affrontaw lil Gent fil-kwarti finali fejn ħarġu rebbieħa b’aggregate ta’ 5-2. Il-Hammers għaddew għall-finali b’rebħa fuq AZ Alkmaar b’ aggregate ta’ 3-1.

Apparti l-konfront eċitanti bejn iż-żewġ timijiet, se tkun għaddeja ukoll taqtigħa għal min se jispiċċa l-aqwa skorer fil-kompetizzjoni, bl-attakkant Brażiljan Arthur Cabral jokkupa l-ewwel post b’7 gowls, segwit minn sieħbu ta’ l-istess tim Luka Jovic u Michail Antonio ta’ West Ham b’6 gowls kull wieħed.

Christian Kouame u Cristian Biraghi jinsabu fil-quċċatta ta’ l-iktar plejers li għandhom assists fil-kompetizzjoni, b’5 kull wieħed.

Din hija wkoll l-ewwel darba li ż-żewġ timijiet se jaffrontaw lil xulxin f’partita uffiċjali.

Ir-referee tal-partita se jkun l-Ispanjol Carlos del Cerro Grande b’din se tkun l-ewwel finali ta’ kompetizzjoni tal-UEFA li Cerro Grande se jkun qiegħed jikkontrolla.