Internazzjonali

Il-Ġermanja: Tikber il-kontroversja dwar ‘l-anti-Semitiżmu’ ta’ Roger Waters

Id-Dipartiment tal-Istat f’Washington (fl-Istati Uniti) irranka l-pressjoni fuq Roger Waters, l-eks kantant u ko-fundatur tal-grupp Pink Floyd, li qed ikun akkużat dwar imġieba razzista waqt avvenimenti għall-pubbliku.

Dan fost insistenza li l-aħħar kunċerti ta’ Waters fil-Ġermanja kellhom timbru anti-Semitiku ‘sfaċċat’ – b’ħafna residenti f’Iżrael u l-membri tal-komunitajiet tal-Iżraeljani barra pajjiżhom jaqblu ma’ din l-evalwazzjoni.


Proprju x-xahar li għadda, diversi gruppi tal-Lhud, flimkien mal-politiċi u alleanza tal-gruppi tas-soċjetà ċivili, inġabru fi Frankfurt għal rally ta’ protesta kontra l-kunċert ta’ Waters f’dik il-belt Ġermaniża.

Huma anki kritikaw il-fatt li l-kantant qed jappoġġja lill-moviment  tal-BDS li jsejjaħ għall-bojkotts u sanzjonijiet kontra Iżrael.

L-awtoritajiet fi Frankfurt kienu pruvaw iwaqqfu l-kunċert milli jsir iżda Roger Waters ( li telaq lil Pink Floyd fl-1985) ħa r-raġun minn qorti lokali wara li kkuntesta dan il-pass.

Intant, id-Dipartiment tal-Istat Amerikan issa qed jakkuża lil Waters dwar ‘rekord twil ta’ aġir u messaġġi anti-semitiċi’ u li l-kunċert tiegħu tax-xahar li għadda kien fih ‘elementi mill-aktar insolenti għall-poplu Lhudi minbarra l-intenzjoni biex hu jimminimizza s-sinfikat tal-Olokawst ( il-ġenoċidju tal-Lhud taħt idejn in-Nażisti matul it-Tieni Gwerra)’.