Ir-residenti fil-madwar tad-diga fiċ-ċentru tal-isplużjoni kbira tat-Tlieta baqgħu jiffaċċjaw sitwazzjoni mill-aktar iddisprata, bl-evakwazzjonijiet tan-nies qegħdin ikomplu miz-zoni fil-madwar.
Kien mistenni wkoll li l-ilma li fl-aħħar sigħat baqa’ ħiereġ mill-parti mifqugħa tad-diga jilħaq l-ogħla livell fir-reġjun ta’ Kherson, fin-nofsinar tal-Ukrajna
Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky qed ikun aġġornat kontinwament dwar is-sitwazzjoni umanitarja li żviluppat mill-attakk tat-Tlieta fuq id-diga fil-belt ta’ Nova Kakhovka li hi okkupata mill-qawwiet Russi.
Hu ikkonferma li mijiet ta’ eluf ta’ Ukreni spiċċaw mingħajr ilma għax-xorb minħabba l-kontaminazzjoni tal-provvista – b’għexieren ta’ eluf jibqgħu maqbudin fiz-zoni iżolati mill-għargħar sussegwenti li faqa’ numru ta’ bliet u villaġġi.
Ir-Renju Unit u pajjiżi oħra qed iwaħħlu fir-Russja għal din is-sitwazzjoni fost referenzi għal ‘attakk li jmur kontra kull sens ta’ diċenza u li abbuża kull regola tal-gwerra.’
Il-korrispondenti barranin fil-belt ta’ Kherson qalu li ħafna djar fl-inħawi spiċċaw mgħarrqin kważi sas-saqaf, b’ħafna residenti jqattgħu l-lejl tat-Tlieta u l-Erbgħa fuq il-friegħi għoljin tas-siġar sakemm kienu salvati mill-iskwadri għall-emerġenzi.
Intant, fl-aħħar sigħat kien hemm ftit aħbar tajba għar-residenti ta’ Nova Kakhova peress li l-livell tal-għargħar fl-inħawi deher li beda jbatti.
Iżda l-konsegwenzi tad-diżastru, kollox ma kollox, mistennija jkunu kbar u allarmenti għall-poplu Ukren. Dan fost it-twissijiet li t-telf tal-ilma mill-ġibjun ta’ Kakhovka għandu jħalli impatt devastanti għall-industrija tal-agrikoltura fin-Nofsinar tal-Ukrajna fejn hemm medda kbira ta’ art saqwija.
L-esperti qed ibassru wkoll impatt devastanti mit-tniġġiż tal-ilma għall-ħajja ta’ kuljum wara li dan tħallat mal-kimiki fl-għargħar. Il-Gvern Ukren, sadanittant, fisser is-sitwazzjoni bħala waħda mill-akbar katastrofi ambjentali fl-Ewropa għal għexieren ta’ snin.
Madankollu – u b’xorti tajba – ma jidhirx li s-sitwazzjoni f’Nova Kakhovka kapaċi taffettwa lill-faċilità nukleari ta’ Zaporizhia, ftit ‘il fuq mill-inħawi, u li tuża l-ilma mill-ġibjun ewlieni taz-zona biex tberred ir-reatturi.
Għexieren ta’ eluf taħt sogru
L-Uffiċjali Ukreni, fl-aħħar sigħat qalu li bejn 42,000 u 50,000 qed jiffaċċjaw diversi elementi ta’ sogru minħabba s-sitwazzjoni tal-għargħar attwali.
Fl-istess ħin, il-media tar-Russja rreferiet għal numru ta’ persuni neqsin fost l-għargħar meta għadu effettiv stat ta’ emerġenza fil-parti tar-reġjun ta’ Kherson li għadha okkupata mit-truppi tal-Kremlin.
L-Ukrajna u r-Russja baqgħu jakkużaw lil xulxin dwar l-isplużjoni li qerdet parti mid-diga kif ukoll għall-konsegwenzi tal-attakk. Dan meta l-President Zelensky qed jinsisti li r-Russja ‘tajjret bomba partikulari li tħalli impatt dirett u qerriedi għall-ambjent’.
Min-naħa tagħha, ir-Russja saħqet li l-Ukreni wettqu ‘apposta’ l-attakk fuq id-diga biex itellfu l-attenzjoni mill-allegati ‘fallimenti militari’ għall-qawwiet ta’ Zelensky waqt kontro-offensiva fuq it-territorji tal-Ukrajna okkupati mir-Russi.
//= $special ?>