Wara l-aħħar allegazzjoni tal-Ministru Jo Etienne Abela li ser ikollu jwaqqa’ d-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla minħabba id-difett fil-konkos, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jinsisti li ssir inkjesta minnufih sabiex tiddetermina jekk huwiex minnu dak li allega fuq il-mezzi tax-xandir.
Fi stqarrija maħruġa mill-Assistent Whip, Kelliema għall-Anzjanità Attiva Paula Mifsud Bonnici, il-Partit Nazzjonalista jinnota illi minkejja l-Ministru ħoloq dan l-allarm u werwer lill-anzjani u l-qraba kollha tagħhom li d-Dar tal-Anzjani f’Bormla tista’ taqa’ mil-lum għal għada, sal-lum l-anzjani għadhom jgħixu f’din id-dar. Jinnota wkoll illi, minkejja li, skont il-Ministru kien irrapurtat lilu li kien hemm xibka ta’ saqaf tidher waqt xi xogħlijiet li kienu qed isiru mill-Gvern ta’ Robert Abela fis-sena 2022, il-Ministru baqa’ ma għamel xejn dwar dan u ma ħa ebda azzjoni biex ineħħi kull forma ta’ periklu.
Ir-responsabbilità tal-Ministru hija li jekk huwa veru dak li qed jallega jiddetermina għalxiex baqa’ m’għamel xejn f’dawn is-sentejn. Għalxiex dam jistenna dawn ix-xhur kollha?
L-Oppożizzjoni qed titlob ukoll illi din l-inkjesta tiddetermina ukoll ix-xogħlijiet kollha li twettqu fuq din id-dar matul is-snin u wkoll jekk kienx hemm nuqqasijiet oħra li setgħu waslu biex il-kundizzjoni ta’ din id-Dar tal-Anzjani tiddetterjora daqstant illi din għandha taqa’.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li jara li kollox isir b’mod trasparenti u li kulħadd ikun kontabbli għal għemilu. Hekk biss nistgħu nisguraw illi l-anzjani tagħna li jgħixu fid-djar residenzjali tal-anzjani jkunu protetti u jingħataw l-aqwa servizzi li għandhom bżonn.
//= $special ?>