Lokali

Is-sajf magħna u t-triq tal-Għadira għadha fit-trab u l-inġenji

U hekk kif beda ix-xahar ta’ Ġunju – xahar sinonimu mas-Sajf … ħafna jerħulha lejn waħda mill-isbaħ bajjiet ta’ pajjiżna – il-bajja tal-Għadira jilaqgħu x-xemx u jgawdu l-baħar – iżda jekk wieħed iżur din il-bajja bħalissa – għandu jlesti għat-trab, terrapien, ingenji, u traffiku kbir.

Minkejja li din it-triq hi ffrekwentata ħafna minn Maltin u turisti fis-Sajf, b’mod partikolari minn dawk li jmorru jgħumu f’din il-bajja jew minn dawk li jkunu fi triqthom lejn u minn Għawdex, għalkemm Ġunju magħna – ix-xogħol f’din it-triq għadu jkaxkar – xogħol li ngħata bidu snin ilu.

Dan kollu, konsegwenza ta deċiżjonijiet żbaljati meħuda mill-Gvern ta Abela, hekk kif minkejja l-appelli kontinwi huwa xorta waħda stina rasu u ddeċieda li Triq il-Marfa fid-direzzjoni miċ-Ċirkewwa lejn il-Mellieħa tkun biss f’karreġġjata waħda.

Deċiżjoni li inevitabbilment ħolqot sfidi u intoppi kbar għas-sewwieqa, b’numru kbir ta’ persuni, li fl-aħħar jiem iddeċidew li jgawdu tmiem il-ġimgħa fil-gżira ta’ Għawdex jew l-Għadira, spiċċaw staġnati u mwaħħlin fit-traffiku – b’uħud jgħid li kieku vjaġġaw lejn Sqallija jew Ruma….kienu jaslu qabel.

Iżda issa b’reazzjoni għall-ilmenti ta’ ħafna nies u esperti fil-qasam, Abela u sħabu ċedew għal pressjoni.

Dan hekk kif il-Kap Eżekutiv ta’ Infrastructure Malta Ivan Falzon sostna li se tiġi introdotta sistema ta’ tidal lane li se tippermetti li t-traffiku li jkun ġej miċ-Ċirkewwa fis-sigħat li fihom jinġemgħa l-aktar traffiku jgħaddi minn żewġ karreġġjati minflok f’waħda.

Milli jidher, din mhiex l-uniku deċiżjoni żbaljata dwar dan il-proġett. Dan għaliex sorsi li tkellmu ma’ Net News saħqu li ċ-ċint li kien jifred il-bajja tal-Għadira minn mat-triq kellu il-funzjoni li jipproteġi t-tali triq mill-elementi.

Iżda permezz ta’ dan il-proġett dan iċ-ċint jidher li tneħħa jew tbaxxa biex b’hekk it-triq ġiet esposta għall-elementi kollha inkluż ir-ramel li jinfirex mat-triq hekk kif iqum ir-riħ – u sussegwentament jikkawża periklu għas-sewwieqa.

Dan il-proġett ta’ Infrastructure Malta li jaqa’ taħt il-Ministru għall-Infrastruttura Aaron Farrugia ġie wkoll kkritikat mill-għaqda Rota.mt fejn sostniet li dan il-proġett spiċċa biex ikkawża aktar konġestjoni tat-traffiku f’din iż-żona.

Minħabba diversi ilmenti, l-organizzazzjoni rota.mt ħarġet b’soluzzjoni alternattiva sabiex tonqos il-konġestoni tat-traffiku fit-triq tal-Għadira billi l-korsiji tat-traffiku jinżammu f’kull direzzjoni, iżda jiġu nkorporati korsiji dedikati għaċ-ċiklisti, u persuni mexjin fit-triq.