Lokali

L-Ispeaker tal-Kamra jappella sabiex il-Membri Parlamentari jkunu jistgħu jaħdmu full-time

Wasal iż-żmien li nitkellmu dwar l-introduzzjoni tal-Membri Parlamentari full-time. Dan kien l-appell tal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia sena ilu, fl-okkażjoni tat-tifkira mill-irvellijiet tas-Sette Giugno.

Sena wara, l-appell ta’ Anġlu Farrugia kien wieħed ugwali. 104 snin mill-irvellijiet li seħħew fis-7 ta’ Ġunju tal-1919… f’diskors miktub mill-Ispeaker innifsu iżda li nqara mid-Deputat Speaker David Agius minħabba li Farrugia jinsab rikoverat l-Isptar.

B’Anglu Farrugia jinsisti li wasal iż-żmien li l-Parlament Malti jkollu Membri Parlamentari full-time.

Huwa saħaq illi min jixtieq jikkontribwixxi lejn is-soċjetà permezz tal-politika, għandna nintroduċulhom sistema fejn Membri tal-Kamra jagħżlu jekk iridux iservu lil pajjiżhom full-time jew part-time sabiex ma jinħolqux ostakoli bla bżonn.

Fil-messaġġ tiegħu, Anġlu Farrugia spjega wkoll li bħala President tal-Kamra jrid jibqa’ jinsisti li hemm bżonn tiġi introdotta proċedura parlamentari sabiex jingħata rimedju liċ-ċittadin meta dan iħoss li Membru Parlamentari jkun abbuża mill-privileġġ parlamentari.

Dan hekk kif sal-lum…. persuni li jħossu li fil-konfront tagħhom saru dikjarazzjonijiet skorretti jew mhux veritieri minn xi Deputat fil-Parlament, għadhom mingħajr rimedju.

L-ispeaker stqarr li l-Parlament Malti għandu jkompli jaħdem qatigħ kif qiegħed jagħmel favur l-għaqda u l-paċi.

Waqt ic-cerimonja tas-Sette Giugno inżammet minuta silenzju ad unur il-vittmi ta’ dawk l-irvellijiet: Emmanuele Attard minn tas-Sliema, Lorenzo Dyer mill-Birgu, Carmelo Abela mill-Belt u Giuseppe Bajada minn Għawdex.

Fi tmiem iċ-ċerimonja sar t-tqegħid tal-fjuri fuq il-Monument tas-Sette Giugno mill-għola awtoritajiet tal-pajjiż fosthom mill-Kap tal-PN Bernard Grech fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino kif ukoll numru ta’ deputati Nazzjonalisti.