Internazzjonali

L-Istati Uniti: Sparatura waqt ċerimonja ta’ gradwazzjoni x’aktarx li rriżultat minn diżgwid bejn l-aggressur u l-vittmi

Raġel ta’ 19-il sena għadu kemm tressaq il-qorti b’konnessjoni ma’  żewġ każi ta’ omiċidju relatati ma’ sparatura fl-Istat ta’ Virginia.

Is-suspettat, Omari Pollard, ‘il quddiem jista’ jiffaċċja sentenza ta’ ħabs għal għomru wara li spara fuq in-nies li kienu ħerġin minn teatru fil-belt ta’ Richmond ftit  wara ċerimonja għall-gradwazzjoni .

L-isparatura ħalliet ukoll ‘il fuq minn ħames midruba – b’raġel minnhom ikun irrappurtat f’sitwazzjoni kritika waqt li l- midruba l-oħra jinsabu l-isptar f’kundizzjoni stabbli.

Għaċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni attendew il-mijiet tan-nies – ħafna minnhom studenti – bil-Pulizija temmen li l-attakk kien wieħed ‘premeditat’ u fejn l-aggressur kien indika żewġ persuni speċifiċi li kellu d-diżgwid magħhom.

L-isparatura kaġunat kaos totali, bl-aggressur jispiċċa arrestat wara li prova jaħrab mill-inħawi. Dan meta l-pulizija ma kellhomx għalfejn jużaw l-armi tan-nar fil-ħin tal-arrest u meta r-raġel ċeda ruħu f’idejhom mingħajr reżistenza.

Il-vittmi tal-attakk kienu żgħażugħ ta’ tmintax-il sena li kien parti mill-klassi gradwanti u missieru ta’ 36 sena.

L-aggressur kien fetaħ in-nar fuq in-nies f’Monroe Park, quddiem it-teatru, ftit wara l-għeluq taċ-ċerimonja għall-gradwazzjoni tal-istudenti ta’ Huguenot High School. L-ewwel tiri nstemgħu waqt li l-istudenti u qrabathom – fosthom tfal u trabi —  kienu ħerġin mit-teatru viċin il-kampus tal-Università ta’ Virginia u bix-xena tinbidel f’waħda ta’ terrur assolut.

Minbarra l-midruba mill-isparar kien hemm anki xi 15-il persuna oħra li weġġgħu fost il-kaos u li spiċċaw trattati għal xokk ladarba s-sitwazzjoni nġiebet taħt kontroll.

Dan meta l-awtoritajiet f’Richmond għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet dwar il-mottiv tal-attakk.