Internazzjonali

L-Italja: Il-Papa se jieħu ġranet biex jirkupra

Il-Papa Franġisku għadu kemm kien operat għal hernia wara li kien ilu żmien ibati bil-problemi f’żaqqu.

L-operazzjoni saritlu fl-Isptar ta’ Gemelli ta’ Ruma  u mistenni li hu se jagħmel diversi jiem hemmhekk biex jirkupra mill-effetti tagħha.

Matteo Bruni, il-kelliem għall-Vatikan, qal li l-Papa, fl-aħħar jiem, kien qed ibati minn problemi rikorrenti dovuti għall-hernia u li l-operazzjoni partikulari kienet waħda ‘inevitabbli’.

Il-Kap tal-Kattoliċi, li għandu 86 sena, ilu l-aħħar snin ibati minn issues tas-saħħa u meta għal dawn l-aħħar xhur  kellu anki juża l-bastun u l-wheelchair biex imur minn post għall-ieħor minħabba problemi kbar f’irkopptu.

Aktar kmieni llum, il-Papa Franġisku konkluda l-impenji tal-ġurnata fil-Vatikan mingħajr ma rrefera darba għall-operazzjoni pjanata.

U minkejja li saħħtu mgħadhiex li kienet, il-Papa qed jirrifjuta l-possibbiltà li jwarrab mit-tmun tal-Knisja minħabba raġunijiet fiżiċi – bħalma kien għamel il-Kap tal-Kattoliċi ta’ qablu, il-Papa Benedittu Sittax, fl-2013.

Fil-fatt, u ladarba jirkupra mill-effetti tal-operazzjoni, mistenni li l-Papa jkompli bl-iskeda taż-żjarat, appuntamenti u udjenzi mal-poplu – u meta mistenni wkoll li hu jżur il-Portugall u l-Mongolja matul is-sajf.