Il-battalji li għaddejjin bħalissa fl-inħawi ta’ Bakhmut qed ikunu l-aktar ħorox mill-bidu tal-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi, fi Frar tal-2022.
Dan meta l-qawwiet Ukreni għaddejjn bl-attakki ġodda fuq l-inħawi madwar Bakhmut, fil-lvant tal-Ukrajna u li jistgħu huma l-ewwel fażi tal-kontro-offensiva kbira li l-Ukreni ilhom jippjanaw għall-aħħar ġimgħat.
Skont l-aħħar rapporti, il-qawwiet Ukreni avvanzaw ‘minn diversi direzzjonijiet lejn il-limiti ta’ Bakhmut’ u fejn diversi battaljuni tal-Ukrajna issa ‘qalbu mid-difiża għall-attakk’skont il-pjan militari tal-Ġenerali.
Iżda l-iżviluppi fl-inħawi mhumiex għal kollox ċari, bl-Ukreni u r-Russi t-tnejn jinsistu li ‘qegħdin joħorġu rebbeħin’ fil-battalji tal-aħħar sigħat fil-viċinanzi ta’ Bakhmut.
Fil-fatt, il-kelliema għall-Kremlin qed jgħidu li rnexxielhom jitfgħu lura l-attakki kollha tal-Ukreni fuq il-periferiji ta’ Bakhmut — iżda l-osservaturi barranin għandhom id-dubji dwar kemm ir-Russi kapaċi jkomplu jiddefendu Bakhmut għat-tul taż-żmien.
Hu ċert, intant, li l-attakki tal-Ukreni kienu qed ikomplu fl-aħħar sigħat u bis-sitwazzjoni tibqa’ ftit jew wisq imprevedibbli.
//= $special ?>