Lokali Qorti

Raġel akkużat li seraq għodda u kartiera minn vann f’San Pawl il-Baħar

Raġel li jsofri mill-vizzju tad-droga tressaq il-Qorti akkużat li seraq għodda u kartiera minn vann f’San Pawl il-Baħar.

Clive Micallef, ta’ 40 sena minn San Pawl il-Baħar u li jaħdem fil-kostruzzjoni, kien akkużat li fil-5 ta’ Ġunju seraq bosta għodda u kartiera li kien fiha numru ta’ cards bankarji. Bl-akkużat jagħmel użu minn waħda minn dawn il-cards bil-konsegwenza li nqabad ftit tal-ħin wara.


Micallef wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li għaddej minn problema serja tad-droga u jekk jinħeles jaf iwettaq serq ieħor.

Kien hawn fejn id-difiża qalet li r-raġel kien se jibda programm ta’ riabilitazzjoni u jekk jintbagħat il-ħabs jispiċċa jitlef l-impjieg u ma jkunx jista’ jibda l-programm. Għalhekk il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ordnat sabiex l-imputat jitpoġġa taħt ordni temporanja ta’ superviżjoni filwaqt li talbet li jkun hemm uffiċjal tal-probation li jsegwi lil Micallef.