Sport Waterpolo

San Ġiljan jirbħu t-tielet unur tas-sena

SLIEMA FRANK SALT…….…… 6

SAN ĠILJAN JP PROJECTS…… 10

(1-2), (2-3), (3-1), (0-4)

San Ġiljan JP Projects komplew jirbħu aktar unuri. Din id-darba kien imiss it-Tazza tal-President, unur li kien qed jirritorna għall-ewwel darba mill-2019 kawża tal-pandemija. Dan kien it-tielet unur għalihom din is-sena wara r-rebħ tal-Enemed Cup u l-Kampjonat tax-Xitwa.

San Ġiljan bdew il-logħba bl-aħjar mod possibbli hekk kif bil-pussess tagħhom tefgħu l-pressjoni fuq l-avversarji. Huma bnew vantaġġ doppju b’żewġ gowls mill-isbaħ ta’ Matthew Zammit u xutt għar-rokna ta’ Aaron Younger. Sliema bdew jieħdu ftit tan-nifs u l-gowl minn man-up ta’ Dmitri Kholod tahom stimolu ġdid.

Dan ir-ritmu tkompla minn Sliema fit-tieni sessjoni. Huma bdew jannullaw lill-avversarji u fejn għaddew kien attent il-gowlkiper Nicky Grixti. Sliema rnexxielhom idawru l-iskor u għall-ewwel darba marru 3-2 minn fuq permezz ta’ Jerome Gabarretta u Jayden Cutajar. Iżda f’ħakka ta’ għajn, San Ġiljan stenbħu u ħadu vantaġġ ta’ 5-3 fi ftit ħin lejn tmiem is-sessjoni.

Kholod naqqas id-distakk immedjatament sakemm Jake Bonavia ħalla l-vantaġġ doppju għal San Ġiljan. Dan sakemm l-ewwel Zach Mizzi naqqas id-distakk u Dino Zammit sikket lill-avversarji b’gowl intelliġenti li ġab id-draw.

Madankollu Sliema reġgħu kellhom jiġru wara r-riżultat u din id-darba ma setgħux jirkupraw. Kien Ben Plumpton li b’żewġ minuti għat-tmiem għamel l-iskor 9-6 u għalaq il-logħba. Matthew Zammit issiġilla r-rebħa lejn it-tmiem.

Fi tmiem il-logħba, il-President ta’ Malta Dr. George Vella akkumpanjat mill-President tal-ASA Karl Izzo ppreżentaw it-trofew lill-captain ta’ San Ġiljan Matthew Zammit.

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (1), L. Galea, Z. Mizzi (1), B. Cachia, J. Cutajar (1), M. Mifsud, J. Brownrigg, D. Kholod (2), A. Prlainovic, D. Zammit (1), A. Bugeja, E. Schembri, S. Engerer

San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli, A. Galea, B. Plumpton (2), M. Jokovic (1), M. Zammit (3), J. Bonavia (1), A. Younger (3), J. Abela, N. Zammit, D. Zammit, R. Caruana, G. Borg, G. Bonavia, N. Bonavia

Referees: Massimo Angileri, Luca Bianco