Lokali

Sette Giugno – jitfakkru l-martri tal-patrija

Il-pajjiz fakkar it-telfa tal-erba’ Maltin li mietu waqt l-irvellijiet tal-1919 fil-Belt Valletta.

It-tifkira saret l-Erbgha filghodu…fil-ħemda taċ-Ċimiterju tal-Addolorata fil-Marsa – f’jum il-festa Nazzjonali tas-Sette Giugno.

Fin-nuqqas tal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, li jinsab rikoverat, preżenti kien hemm id-Deputat Speaker tal-Kamra David Agius…flimkien fost l-oħrajn mal-Kappillan tal-Forzi tal-Ordni u l-qraba tal-vittmi li qegħdu kuruni ta’ fjuri fuq il-Qabar ta’ dawn il-martri tal-patrija – Maltin ħutna li ċarċru demmhom għalina u għal pajjiżna.

Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm il-banda tal-Pulizija, filwaqt li qabel it-tqegħid tal-fjuri, inżammet minuta silenzju ad unur il-vittmi: Manuel Attard minn Tas-Sliema, Lorenzo Dyer mill-Birgu, Carmelo Abela mill-Belt u Giuseppe Bajada minn Għawdex.

Riżultat tal-irvellijiet kienu mietu b’kollox sitt persuni, filwaqt li 50 persuna ndarbu.

L-irvellijiet li seħħew aktar minn mitt sena ilu kienu bdew minhabba l-iskarsezza li ġabet magħha l-Ewwel Gwerra Dinjija.

Sentejn wara dawn l-avvenimenti, Malta ngħatat Kostituzzjoni ġdida, li permezz tagħha l-Maltin kisbu l-Gvern immexxi minnhom għall-ewwel darba.

Intant, aktar tard matul il-jum, il-President ta’ Malta, akkumpanjat miċ-Chairperson tal-Kumitat Festi Nazzjonali poġġew kuruni fuq il-monument tas-Sette Giugno fil-Belt Valletta.