Sport Sport Ieħor

Snooker: Kampjonat Ewropew Albena – Bulgarija: Il-Maltin kollha jikkwalifikaw filwaqt li Borg u Ciantar jirbħu l-grupp

L-ewwel sessjoni tat-tielet jum tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir f’Albena, l-Bulgarija rat lit-tliet Maltin, Alex Borg, Philip Ciantar u Arthur Cachia, li qed jipparteċipaw fil-kategorija tas-Seniors javvanżaw mal-aħħar 32 għall-fażi tan-Knock Out li tintlagħab aktar tard illum stess.

Alex Borg kellu rebħa mingħajr wisq diffikultà kontra l-Polakk, Marcin Bek bl-iskor ta’ 3-0, bil-punteġġi tal-frames ikunu 68-23, 67-40 u 64-12. Fit-tielet u l-aħħar frame huwa għalaq il-logħba bi break ta’ 42 punt. B’din ir-rebħa Borg rebaħ iż-żewġ logħbiet u rebaħ Grupp E.

Philip Ciantar patta għat-telfa tal-bieraħ u minkejja li l-konfront tal-lum kontra l-Finlandiż Jani Kananen kien wieħed ibbilanċjat, speċjalment fl-ewwel u t-tielet frame, huwa rebaħ 3-0; 55-47, 54-13 u 72-51. B’dan ir-riżultat Ciantar mhux talli kwalifika iżda aktar minn hekk rebaħ Grupp G ukoll.

L-aħħar logħba tal-grupp għal Arthur Cachia kienet id-dwell għal min jirbaħ Grupp K. Huwa ltaqa’ mal-Olandiż Joris Maas li bħalu rebaħ iż-żewġ konfronti fil-ġranet preċedenti. L-Olandiż ħareġ rebbieħ 3-1 (23-54, 59-25, 39-67 u 19-51) biex b’hekk rebaħ il-grupp. Cachia lbieraħ kien l-ewwel wieħed mit-tliet Maltin li serraħ rasu mill-kwalifikazzjoni.

Bħalissa jonqos l-aħħar sessjoni tal-logħbiet tal-fażi tal-gruppi u kif tkun magħrufa l-iskeda tas-16-il logħba tan-Knock Out, aktar tard illum stess tintlagħab din il-fażi wkoll.