Sport Waterpolo

Tintemm l-istennija – ħarsa lejn il-barranin li se jgħinu fl-ispettaklu tal-waterpolo lokali għal dan is-sajf

(Ritratt: EPA/Srđan Sulejmanović)

Mil-lum għal dawn it-tliet xhur li ġejjin f’pajjiżna se jerġa’ jkun hawn il-plejers barranin li se jagħtu l-kulur lill-waterpolo lokali. Din mhux l-ewwel darba li fil-kampjonati lokali tas-sajf se jkun hawn il-plejers barranin iżda din id-darba hi speċjali minħabba li fl-aħħar tliet snin kienu assenti kawża tal-pandemija.

Il-klabbs lokali speċjalment dawk ewlenin ħasbu biex jattiraw talent ta’ fama ewropew u mondjali. Minn total ta’ 24 plejer barrani (żewġ plejers kull tim), terz minnhom lagħbu f’pajjiżna.

Uħud mill-plejers laħqu l-ogħla livelli fil-karriera tagħhom u żgur li l-kwalità tagħhom se tgħin lill-plejers Maltin biex jixorbu kemm jistgħu jkun minn dawn ix-xhur jitħarrġu magħhom. Ħarsa fil-qosor lejn il-profil ta’ dawn il-plejers

Aleksandar Ivovic

Il-barranin ta’ Neptunes, San Ġiljan u Sliema

It-tliet favoriti għat-tellieqa biex jirbħu l-unuri fil-Kampjonat Premier huma l-istess bħal tal-aħħar snin jiġifieri Neptunes, San Ġiljan u Sliema. Kif mistenni, baħar ta’ talent minn dawn is-sitt plejers, b’erbgħa minnhom jinsabu fl-aħħar snin tal-karriera.

Aleksandar Ivovic u Filip Filipovic għal Neptunes, Aaron Younger u Maro Jokovic għal San Ġiljan u Dmitrii Kholod u Andrija Prlainovic għal Sliema.

Filip Filipovic għandu 36 sena u hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa plejers fl-istorja tal-waterpolo. Suċċess internazzjonali kbir mat-tim nazzjonali tas-Serbja, bir-rebħ tal-midalja tad-deheb fl-aħħar żewġ Olimpjadi, darbtejn il-Kampjonat tad-Dinja u r-rebħ tal-Kampjonat Ewropew sitt darbiet.

Serb ukoll hu Andrija Prlainovic. Tal-istess età ta’ Filipovic u fi kliem ieħor lagħab fl-istess timijiet nazzjonali tas-Serbja miegħu u għalhekk kiseb suċċessi internazzjonali kbar. Id-differenza ta’ Prlainovic hi li hu lemini.

Aleksandar Ivovic ma għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni hekk kif lagħab u ddomina ma’ San Ġiljan fl-2017. Ivovic li ġej mill-Montenegro, kellu anqas suċċess internazzjonali iżda siker fl-unuri fuq livell ta’ klabbs fost l-oħrajn ma’ Pro Recco. Mal-klabb Taljan rebaħ għaxar darbiet il-kampjonat, għaxar darbiet il-Coppa Italia u ħames darbiet il-LEN Champions League.

Xellugi wkoll hu l-Kroat ta’ 35 sena Maro Jokovic. Plejer tat-tim nazzjonali Kroat għal snin twal u fosthom rebaħ il-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi tal-2012, darbtejn il-Kampjonat tad-Dinja u darba l-Kampjonat Ewropew. Fuq livell ta’ klabbs, lagħab ma’ uħud mill-aqwa fosthom Jug Dubrovnik, Pro Recco, Olympiacos u Brescia.

Miegħu fit-tim ta’ San Ġiljan se jkun hemm l-Awstraljan ta’ 31 sena Aaron Younger. Fl-aħħar Olimpjadi kien il-captain tat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu u għamel isem għalih innifsu fl-Ewropa. Hu kien iddeċieda li jagħmel il-qabża fil-kwalità fl-Ungerija u fil-preżent jinsab ukoll jilgħab maċ-Champions Ewropej Pro Recco.

Dmitrii Kholod din id-darba se jilgħab ma’ Sliema wara żewġ esperjenzi ma’ Valletta fl-2016 u fl-2019. Kholod li għandu 31 sena, bħalissa jilgħab fil-kampjonat Ġermaniż ma’ WF Spandau 04. Hu wieħed mill-pedini importanti fit-tim nazzjonali Russu.

Pietro Figlioli

Il-barranin ta’ Exiles, Sirens u Valletta

Leġġenda ieħor tal-waterpolo internazzjonali hu Pietro Figlioli. Il-plejer ta’ 39 sena lagħab kemm mal-Awstralja kif ukoll mal-Italja u b’kollox ipparteċipa f’erba’ Olimpjadi. Figlioli lagħab għal snin twal ma’ Pro Recco u jinsab fl-aħħar snin tal-karriera.

Taljan ukoll hu Alessandro Velotto li għandu 28 sena u ħalla lil Pro Recco fl-aħħar jiem wara ħames staġuni u tnax-il trofew mirbuħ. Velotto fforma parti mit-tim nazzjonali Taljan.

L-istess jista’ jingħad għal Guillermo Molina li tul il-karriera lagħab mat-tim nazzjonali Spanjol kif ukoll Taljan. Fl-età ta’ 39 sena, din mhux se tkun l-ewwel esperjenza għalih f’pajjiżna. Hu nġieb minn San Ġiljan fl-2015, sentejn wara lagħab ma’ Sliema u fl-2019 reġa’ lagħab ma’ San Ġiljan.

Għal Matyas Pasztor, din se tkun it-tieni esperjenza f’pajjiżna wara li kien lagħab ma’ Marsaskala fl-2015. Pasztor li llum għandu 36 sena, lagħab mat-tim nazzjonali tal-Ungerija fl-aħħar Olimpjadi.

L-għażla ta’ Valletta marret fuq żewġ plejers barranin li diġà għamlu isem f’pajjiżna u fil-passat ħadmu mal-kowċ Joe Cremona. Ivan Nagaev lagħab f’Malta fl-2019 u kien strumentali biex Marsaxlokk lagħbu fil-Kampjonat Premier.

Il-barrani l-ieħor hu Andrija Vlahovic, plejer li ħalla impatt meta lagħab f’pajjiżna. Fl-2017 u fl-2018 lagħab ma’ Marsaskala filwaqt li fl-2019 lagħab ma’ Marsaxlokk fl-istess tim ma’ Nagaev.

Darko Brguljan

Uċuħ familjari f’uħud mill-klabbs meqjusa żgħar

L-għażla ta’ Marsaskala marret fuq żewġ Ungeriżi li huma Bence Batori u Ferenc Salamon. Għal Batori din hi l-ewwel esperjenza f’Malta filwaqt li Salamon kien lagħab ma’ Sliema lura fl-2012 u ma’ Otters fl-2019.

Żewġ plejers minn Georgia għal Otters. Għal Marko Jelaca din mhux se tkun l-ewwel esperjenza f’pajjiżna hekk kif lagħab ma’ Otters fl-2016 u fl-2017 u ma’ Exiles fl-2018 u fl-2019. Jovan Saric se jilgħab f’Malta għall-ewwel darba.

L-għażla ta’ Birżebbuġa marret fuq wiċċ familjari bħal Darko Brguljan u wiċċ ġdid bħal Balasz Erdelyi. Brguljan lagħab f’pajjiżna għal perjodu qasir fl-2012 ma’ San Ġiljan, fl-2018 mal-istess Birżebbuġa u fl-2019 ma’ Neptunes. Erdelyi li għandu 33 sena, kien parti mit-tim nazzjonali Ungeriż fl-aħħar Olimpjadi.

Marsaxlokk marru fuq żewġ plejers mill-Montenegro. Nikola Moskov ta’ 25 sena fl-ewwel esperjenza tiegħu f’pajjiżna u Sasa Misic ta’ 36 sena. Għal Misic din se tkun it-tieni esperjenza f’Malta wara li lagħab ma’ Valletta fl-2019.

Kristijan Milakovic se jirritorna f’pajjiżna wara l-esperenza ma’ Marsaskala fl-2019 iżda din id-darba se jilgħab ma’ Ta’ Xbiex. Il-barrani l-ieħor se jkun is-Serb Uros Vasic f’dik li se tkun l-ewwel esperjenza f’pajjiżna għall-plejer ta’ 27 sena.

Għal Barracudas din se tkun l-ewwel esperjenza bi plejers barranin minn meta rritornaw fix-xena lokali. Huma għażlu lil Ivan Gusarov mir-Russja u Radovan Latinovic mill-Montenegro bħala l-barranin tagħhom f’dik li se tkun l-ewwel esperjenza għalihom f’pajjiżna.