Lokali

Bosta toroq li jagħtu għall-pjazza tal-Mosta jingħalqu kompletament jew partijiet minnhom

F’jum ta’ festa għandek id-dritt li tirrilassa, billi toħroġ ftit u tgawdi din il-ġurnata mal-familja – iżda għar-residenti tal-Mosta – dan id-dritt bażiku spiċċa misruq ukoll.

Dan hekk kif inħoloq kaos totali billi diversi toroq li jagħtu għall-Pjazza tal-Mosta ngħalqet kompletament jew partijiet minnhom matul il-ġurnata tal-Erbgħa.

Fil-lokalità tal-Mosta preżentament għaddej ammont kbir ta’ xogħol li qed iqajjem tħassib kbir u xi ftit jew wisq skumdità fost ir-residenti…. b’uħud li tkellmu ma Net News spiċċaw jisħqu li aħjar ma joħorġux minn djarhom milli jaħlu ħin twil iduru u jaqdu fil-lokal sabiex jirnexxilhom joħorgu mill-Mosta.

Ix-xogħlijiet li qegħdin isiru f’diversi toroq prinċipali fil-Mosta – inkluż fil-pjazza, kif ukoll fi Triq il-Kostituzzjoni – ilhom ikaxkru għal diversi xhur. Dan wara li x-xogħol fi Triq il-Kbira ukoll dam ikarkar sentejn sħaħ.

Sfortunatament, apparti li ħafna residenti qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex joħroġu minn djarhom, in-nuqqas ta’ parkeġġ qiegħed iżid il-frustrazzjoni qalb il-Mostin u s-sidien tal-ħwienet.

Minkejja li l-awtoritajiet insistew li dan il-proġett se jtejjeb l-immaniġġjar tat-traffiku fiż-żona, jidher ċar li qed jiġri bil-maqlub, b’riżultat ta’ aktar konġestjoni u dewmien għas-sewwieqa – kawża tat-tkaxkir tas-saqajn u turija għal darb’oħra ta’ nuqqas ta’ kapaċita u tmexxija mill-Ministru tat-traffiku u infrastruttura Aaron Farrugia.

Dan hekk kif diversi residenti qegħdin jilmentaw fuq in-nuqqas ta’ preżenza adegwata ta’ uffiċjali sabiex jiggwidaw it-traffiku, mingħajr barrikati li jagħtu direzzjoni ċara kemm għas-sewwieqa u anke  għal min jgħaddi bil-mixi.

Għaldaqstant l-appell tar-residenti lill-Gvern u lill-Kunsill Lokali huwa wieħed – sabiex jittieħdu l-miżuri neċċessarji biex jiġu evitati l-inċidenti…. billi ikun hemm preżenti, speċjalment fir-rush hours, uffiċjali ta’ Transport Malta ħalli jiggwidaw it-traffiku maġenb l-inġenji li hemm fil-post.