Futbol Sport

West Ham United jirbħu l-UEFA Conference League

(Ritratt: EPA)

West Ham United għelbu lil Fiorentina 2-1 biex rebħu l-UEFA Europa Conference permezz ta’ gowl fl-aħħar mumenti ta’ Jarrod Bowen. Din hija t-tielet Tazza Ewropea li rebħu l-Hammers, hekk kif rebħu l-UEFA Cup Winner’s Cup fl-1965 kif ukoll il-UEFA Intertoto Cup fl-1999.

L-ewwel ċans denju wasal wara biss 40 sekonda logħob minn kontrattakk ta’ West Ham meta Michail Antonio ittanta xortih minn barra l-kaxxa minn pass ta’ Paqueta pero l-goalkeeper Terracciano salva tajjeb.

West Ham komplew jippressaw fuq id-difiża Taljana, hekk kif wara 10 minuti logħob kien imissu Declan Rice sabiex jipprova jsib ix-xibka minn barra l-kaxxa, bil-konkużjoni tiegħu tgħaddi ftit barra.

Fiorentina ħasbu li marru fil-vantaġġ fl-aħħar mumenti ta’ l-ewwel taqsima permezz ta’ Luka Jovic meta xeħet fix-xibka wara li l-ewwel konklużjoni ta’ Kouname ġiet salvata minn Areola, madankollu wara konsultazzjoni tal-VAR il-gowl tħassar hekk kif Kouname kien jinsab f’pożizzjoni rregolari.

L-ewwel taqsima intensiva, b’Fiorentina jilagħbu l-logħba tipika offensiva tagħhom, bil-Hammers jiddefendu tajjeb barra l-kaxxa l-kbira u jattakkaw bil-kontrattakk.

Fiorentina stennew sas-56 minuta biex jergġħu jipprovaw isibu l-lasta hekk Christian Kouname pprova jegħleb lil Areola minn barra l-kaxxa pero l-goalkeeper Franċiż evita l-periklu bla ebda diffikultà.

Żewġ minuti wara West Ham rebħu penalty wara li l-captain ta’ Fiorentina Christian Biraghi kkommetta handsball fil-kaxxa tiegħu.

Said Benrahma kien inkarigat mill-penalty u ma żbaljax b’konklużjoni preċiża fir-rokna ta’ fuq tax-xellug biex fetaħ l-iskor u ta l-vantaġġ lit-tim tiegħu.

Għaxar minuti wara Fiorentina rrispondew tajjeb meta l-midfielder Taljan t’esperjenza Giacomo Bonaventura sab ix-xibka u għamel l-iskor 1-1 b’xutt b’saħħtu minn suġġeriment ta’ Gonzalez.

Tmiem drammatiku għal kollox hekk kif West Ham skurjaw il-gowl tant importanti tar-rebħa fil-91 minuta minn kontrattakk tipiku tal-Hammers, b’Paqueta jiftaħ id-difiża ta’ Fiorentina b’pass twil fejn sab lil Jarrod Bowen fit-tarf tiegħu, bl-attakkant Ingliż jixħet fix-xibka bil-kalma kollha.

L-aħħar finali tal-kompetizzjonijiet tal-UEFA se tkun bla dubju l-ikbar waħda, il-finali tal-UEFA Champions League bejn Manchester City u Inter is-Sibt 10 ta’ Ġunju fid-9:00pm.