Dalgħodu tressaq il-Qorti żagħżugħ ta’ sittax-il sena akkużat li wettaq vjolenza domestika fuq missieru.
Il-każ seħħ fil-ħamsa ta’ Ġunju li għadda meta daħal rapport fl-għassa taż-Żejtun li kien seħħ argument bejn missier u iben.
Hekk kif il-Pulizija waslu fil-post fejn seħħ l-argument, sabu lill-missier bi ġrieħi gravi f’wiċċu. Kien hawn fejn il-missier qal lill-Pulizija li kellu argumanet ma’ ibnu fuq speaker, bit-tifel iħebb għalih u jaħarab ftit tal-ħin wara.
Il-Prosekuzzjoni li tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit qalet li t-tifel għandu problema ta’ saħħa mentali u jieħu xi mediċina għall-kundizzjoni li għandu.
Jidher li l-għada li seħħ dan l-argument, omm iż-żagħżugħ ħadet lil binha l-isptar għall kura fejn it-tobba rrilixxawh ftit tal-ħin wara. Kien hawn meta inħareġ mandat ta’ arrest peress li ż-żagħżugħ qal lil ommu li jekk jinżamm għall-kura, kien se jaħrab mill-Isptar,
Iż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih filwaqt li ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, ordnat biex ikun hemm superviżjoni fuq iż-żagħżugħ u li jinħata uffiċjal tal-probation biex isegwih..
Il-Qorti saħqet li peress li l-akkużat għandu biss 16-il sena, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni li huwa jinżamm fil-Faċilità YOURS u jingħata l-kura li jeħtieġ.
//= $special ?>