Futbol Sport

Analiżi dwar il-Premier League 2022/23 u x’nistennew fl-istaġun li ġej

(Ritratt: EPA)

Manchester City rebħu t-tielet kampjonat konsekuttiv wara li fl-aħħar parti tal-istaġun 2022/23 irnexxielhom idawwru żvantaġġ ta’ 11-il punt. Bla dubju li, għalkemm għal Arsenal din kienet l-aħjar pożizzjoni fl-aħħar tmien snin, wieħed jista’ jgħid li kollox ma’ kollox dan kien diżappunt kbir għall-iskwadra mmexxija minn Mikel Arteta, meta wieħed jikkunsidra l-vantaġġ li kellhom fuq is-Cityzens tul il-maġġor parti tal-istaġun.

Fin-naħa t’isfel tal-klassifika, Southampton ġew relegati għall-ewwel darba mill-istaġun 2004/05 wara li kisbu biss sitt rebħiet, u kienu ilhom fl-aħħar tliet postijiet tal-klassifika sa minn Novembru. Leicester City wkoll se jkunu qed jilagħbu fiċ-Championship l-istaġun li ġej wara li sfaw relegati seba’ snin wara staġun tal-ħolm li rahom jirbħu l-Premier League fl-2015/16. It-tim l-ieħor relegat kien Leeds United, li jerġgħu jirritornaw fit-tieni staffa tal-piramida wara tliet staġuni mal-kbar tal-futbol Ingliż.

Minbarra Man. City u Arsenal, Man. United u Newcastle se jkunu qed jilagħbu fil-UEFA Champions League l-istaġun li ġej wara li spiċċaw fit-tieni u t-tilet post rispettivament. Ir-Red Devils jirritornaw f’din l-akbar kompetizzjoni Ewropea wara li fallew li jagħmlu dan l-istaġun li għadda filwaqt li Newcastle jirritornaw wara assenza twila ta’ 20 sena.

Liverpool, li kellhom nuqqas kbir ta’ konsistenza, se jkunu qed jikkompetu fl-Europa League flimkien ma’ Brighton, li huwa tim ġdid fil-kompetizzjonijiet Ewropej u li bħal Aston Villa kienu wieħed mis-sorpriżi. Il-Villians irnexxielhom jiksbu s-seba’ post, meta qabżu lil Tottenham b’punt biex fl-aħħar kienu huma li kkwalifikaw għall-UEFA Conference League, 13-il sena wara li kkompetew fl-Europa League fejn kienu sfaw eliminati mill-Awstrijaki Rapid Vienna fil-fażi bikrija ta’ kwalifikazzjoni.

L-agħar staġun f’27 sena għal Chelsea

Jekk kelna nsemmu d-diżappunti, xi ngħidu għal Chelsea? Il-bidla fis-sidien minn Roman Abramovich għal Tod Boehly s’issa ma marritx kif mixtieq. Taħt it-tmexxija l-ġdida, Chelsea nefqu madwar £600m f’akkwisti, iżda ħafna jargumentaw li l-affrijiet bdew sejrin għan-niżla mat-tkeċċija ta’ Thomas Tuchel. Minn dak il-mument ‘il quddiem, taħt il-manager il-ġdid Graham Potter, il-Blues qatt ma sabu l-forma u dan tal-aħħar spiċċa biex ukoll tkeċċa wara 31 logħba li minnhom rebaħ 12, tilef 11 u ġie 8 darbiet draw. L-affarijiet komplew ġejjin għat-tela’ taħt Frank Lampard, li ħa t-tmexxija tat-tim fl-aħħar parti tal-kampjonat. Taħt il-leġġenda tagħhom, Chelsea rebħu biss darba mill-aħħar 11-il logħba u spiċċaw fit-12-il post, l-agħar pożizzjoni tagħhom sa mill-1996. Jista’ Mauricio Pocchettino jdawwar il-paġna għal Chelsea?

(Ritratt: EPA)

Il-marka Norveġiża

Il-Premier League Ingliż huwa kampjonat pjuttost diffiċli biex tilgħab fiħ, u fil-passat bosta plejers, anke ismijiet kbar, fallew milli jħallu mpatt u kellhom jerġgħu jitilqu. Bla dubju li mhux fil-każ ta’ dak li sħabu tat-tim laqmuħ bħala n-‘Norwegian Deamon’, l-attakkant ta’ Man. City Erling Haaland. Fl-ewwel staġun tiegħu fil-Premier League, Haaland irnexxielu jikser ir-rekord ta’ Alan Shearer, li fl-istaġun 1994/95 skorja 34 gowl fi staġun wieħed, bin-Norveġiż jiskorja 36, aktar minn 35% tas-96 gowl skorjati minn Man. City fil-kampjonat. Haaland skorja total ta’ 52 gowl fil-kompetizzjonijiet kollha s’issa, u fadal il-finali tal-UEFA Champions League kontra Inter is-Sibt li ġej. M’hemm l-ebda dubju li meta għad għandu biss 22 sena, Haaland huwa l-plejer tal-mument u żgur li n-Norveġiż għad irid juri l-aħjar tiegħu, u li l-Premier League u dawk li jsegwu dan il-kampjonat se jkunu qed jittamaw li jkomplu jgawdu lil dan il-plejer għal snin twal.

Haaland m’huwiex l-uniku Norviġiż li ħalla mpatt fil-Premier League dan l-istaġun. Sieħbu fit-tim nazzjonali Martin Ødegaard kien wieħed mill-aqwa plejers tal-isfidanti Arsenal. Il-midfielder ta’ 24 sena, flimkien ma’ Gabriel Martinelli, kien l-aqwa skorer tal-Gunners fejn anke provda 7 assists. Ødegaard kien akkwistat b’mod permanenti minn Arsenal l-istaġun li għadda wara li għamel staġun b’self mingħand Real Madrid fl-istaġun 2020/21. Rapporti fil-media internazzjonali qed jgħidu li ċ-Champions Franċiżi Paris SG qed jippreparaw offerta għal Ødegaard iżda r-rappreżentanti tal-klabb minn Londra u l-aġenti tal-plejer jinsabu kunfidenti li jilħqu ftehim għal estensjoni tal-kuntratt.

(Ritratt: EPA)

Staġun mimli episodji memorabbli

Waħda mir-raġunijiet li jgħamlu l-Premier League Ingliż wieħed mill-aqwa hi, li kull staġun joffri mumenti memorabbli u l-istaġun 2022/23 ma kienx eċċezzjoni. L-ewwel episodju li baqa’ fuq fhomm kulħadd ġara fit-tieni ġurnata meta r-rivali ta’ Londra Chelsea u Tottenham iltaqgħu kontra xulxin fi Stamford Bridge, bit-tnejn li huma kienu ġejjin minn rebħa fl-ewwel ġurnata. Wara draw jaħraq ta’ 2-2, li matulu kien hemm argumenti kontinwi bejn iż-żewġ managers, Thomas Tuchel u Antonio Conte kienu nvoluti f’argument jaħraq fi tmiem il-partita meta Conte mar jieħu b’idejn Tuchel u għal xi raġuni l-Ġermaniż għaffaslu xi ftit idejh iżżejjed u nqalgħet kommosjoni sħiħa. Ironikament, wara dik il-partita, iż-żewġ timijiet kellhom mumenti diżappuntanti matul l-istaġun tant li kemm Tuchel kif ukoll Conte spiċċaw biex tkeċċew mit-timijiet rispettivi tagħhom.

Fid-19 t’Ottubru 2022, l-istilla Portugiża Cristiano Ronaldo kien fl-aħbarijiet wara li telaq minn fuq il-bank tas-sostituti fid-89 minuta, fir-rebħa ta’ 2-0 kontra Tottenham, wara li tħalla fuq il-bank minn ten Hag. Minn dakinhar ‘il quddiem, ir-relazzjoni ta’ Ronaldo u Man. United qatt ma rritornat għan-normal, b’din tispiċċa għal kollox wara l-famuża intervista li Ronaldo ta lil Piers Morgan. Fl-aħħar ta’ Diċembru l-attakkant ta’ 38 sena ingħaqad ma’ Al Nassr fl-Arabja Sawdija.

Nistgħu nibqgħu insemmu minn dawn l-episodji, iżda ġurnata li s-supporters ta’ Liverpool se jibqgħu jiftakru, filwaqt li dawk tar-Red Devils żgur li jixtiequ jinsew kienet il-5 ta’ Marzu 2023. Liverpool umiljaw għal kollox lil Man. United b’rebħa ta’ 7-0, b’sitta minn dawn il-gowls jaslu kollha fit-tieni taqsima. Il-gowls waslu minn doppjetti ta’ Cody Gakpo, Darwin Nunez u Mohamed Salah filwaqt li Roberto Firmino skorja s-seba’ gowl ta’ Liverpool fost xalata mis-supporters tar-Reds f’Anfield.

(Ritratt: EPA)

X’qed nistennew mill-istaġun 2023/24?

Wara r-rebħ ta’ tliet kampjonati konsekuttivi, żgur li Man. City se jkunu qed jibdew bħala favoriti l-istaġun li ġej, anke meta għandhom l-aktar skwadra b’saħħitha f’kull dipartiment, immexxija mill-ġenju Pep Guardiola.

Bi tnejn jew tliet akkwisti, Arsenal, jistgħu jerġgħu jisfidaw għar-rebħ tal-Premier League filwaqt li l-kowċ Mikel Atreta jitgħallem minn nuqasijiet li kellu t-tim fl-aħħar parti tal-istaġun.

Nistennew ukoll li Man. United u Newcastle isaħħu l-iskwadra tagħhom kemm għal kampjonat kif ukoll biex ikunu preparati għall-UEFA Champions League.

Liverpool diġa bdew jippreparaw sabiex ma jirrepetux id-diżappunt li kellhom l-istaġun li għadda, tant li diġa bdew jissaħħu fejn ikkonfermaw l-akkwist tal-midfielder ta’ Brighton u tal-Arġentina Alexis Mac Allister. Liverpool mistennija wkoll jiffirmaw attakkant wara t-tluq ta’ Roberto Firmino.

Kif semmejna qabel, bl-inġaġġ tal-eks kowċ ta’ Tottenham u PSG Mauricio Pocchettino, Chelsea jista’ jkollhom bidu frisk u jinsew l-istaġun li għadu kif intemm kemm jista’ jkun malajr. L-Arġentin se jkollu jieħu deċiżjonijiet importanti speċjalment dwar liema plejers se jżomm u x’akkwisti se jkun qed jagħmel biex jerġa jsib il-bilanċ li ma kellux it-tim l-istaġun li għadda.

Burnley, Sheffield United u Luton Town kienu promossi għall-Premier League, b’tal-aħħar jirritornaw fl-ogħla diviżjoni wara 31 sena. Diskussjoni li għaddejja bħalissa hija dwar in-nuqqas ta’ faċiltajiet fil-Kenilworth Road Stadium, l-istadium li fih jilagħbu Luton Town. Il-proprjetarji tal-klabb qed jippjanaw li jinvestu £10m biex itejbu dawn il-faċiltajiet minbarra li jeżistu pjanijiet ta’ stadium ġdid fil-futur. Barra minn hekk, bħal klabbs kollha neo-promossi, il-Hatters iridu jsaħħu l-iskwadra biex iżommu posthom mal-kbar tal-futbol Ingliż. Nistennew u naraw!

(Ritratt: EPA)