Ewropa Lokali

Bħal-lum sena l-elezzjonijiet Ewropej

Bħal-lum sena, se jsiru l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Elezzjonijiet li mistennija jkunu determinanti ghall-futur tal-Ewropa hekk kif bhalissa, l-kontinent qed jiffaccja numru ta’ sfidi, fosthom l-inflazzjoni, l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, l-kriżi tal-klima, u d-diżinformazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista diġa qed iħejji ruħu biex il-poplu Malti u Għawdxi jkollu l-aqwa għażla dwar min irid li jirrapreżentaħ matul il-ħames snin li ġejjin.

Fl-aħħar xhur, diġa tħabbru 4 ismijiet li se jkunu fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista: l-MEPs attwali – Roberta Metsola, li hi ukoll il-President tal-istituzzjoni Ewropea, u David Casa, kif ukoll id-deputat fil-Parlament Malti David Agius, u l-kandidat Peter Agius.

F’kummenti lil Net News, il-President tal-Parlament Ewropew u MEP eletta f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li l-Ewropa jeħtieġ tirriforma u tirriġenera. Hi saħqet li iż-żgħażagħ se jkollhom sehem importanti biex jiddeċiedu dwar il-futur tagħhom.

Mal-elezzjoni tas-sena d-dieħla Roberta Metsola ttemm il-kariga tagħha bħala President tal-istituzzjoni, meta l-MEPs eletti jagħżlu President ġdid għas-sentejn u nofs ta’ wara.

Din hi il-ħames darba li l-poplu Malti se jkun qed jivvota waqt l-elezzjonijiet Ewropej, 20 sena mindu Malta ssieħbet bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

F’dawn l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ikunu eletti aktar minn 700 Membru Parlamentari Ewropew, fosthom sitt rapreżentanti Maltin. L-elezzjonijiet Ewropej jsiru kull ħames snin.

L-aħħar elezzjoni tal-MEPs kienet saret f’Mejju tal-2019.