Lokali

Bżonn li titneħħa l-istigma fil-konfront tal-priġunieri

Hemm bżonn li f’pajjiżna tinbidel il-mentalità ta’ kif il-poplu jħares lejn il-persuni li jkunu skontaw sentenza ta’ priġunerija u titneħħa l-istigma fil-konfronT tagħhom.

Kien dan il-qofol tal-messaġġ li twassal mill-kelliema li matul il-ġurnata tal-Ħamis indirizzaw konferenza organizzata mill-Fondazzjoni RISE – fondazzjoni li toffri servizzi varji lill-priġunieri u lil dawk kollha li jkunu skontaw sentenza ta’ ħabs.

Fost il-kelliema li indirizzaw din il-konferenza kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Joe Giglio illi tkellem dwar l-importanza li tinbidel il-mentalità ta’ kif wieħed iħares lejn il-pesuni li jkunu qed jaffaċċjaw akkuża jew jiskontaw sentenza ta’ priġunerija.

Kien hawn fejn hu appella sabiex titneħħa l-istigma fil-konfront ta’ dawn il-persuni meta jiġu biex jintergraw ruħhom lura fis-soċjetà. Huwa semma kif hu impossibbli li persuna tintegra ruħha fis-soċjetà jekk lanqas biss tingħata aċċess biex tiftaħ kont bankarju.

Problema oħra li jaffaċċjaw il-priġunieri wara li joħorġu mill-ħabs hi li ma jkollhomx residenza fejn ikunu jistgħu joqogħdu, u għalhekk pajjiżna jrid ukoll jaħdem iktar sabiex titnaqqas din il-problema.

Apparti dan, huwa tkellem ukoll dwar l-importanza li waqt li l-priġunieri jkunu qed jiskontaw is-sentenza tagħhom, jingħataw l-edukazzjoni li għandhom bżonn. 

Joe Giglio qal li l-fondazzjoni RISE hija entità li tagħmel ħafna ġid fost dawn il-persuni li jkunu qed jerġgħu jibnu ħajjithom mill-ġdid. Iżda din l-organizazzjoni għandha bżonn ħafna iktar għajnuna biex tkun tista’ tilqa’ iktar nies fid-djar tagħha.

Min-naħa tiegħu ċ-Chairperson tal-fondazzjoni RISE Charlie Mifsud qal li għalkemm it-triq hija waħda twila, l-għan prinċipali tal-fondazzjoni hu li jibqgħu jaħdmu biex titnaqqas l-istigma. Huwa tkellem ukoll dwak l-importanza li jkun hemm aktar edukazzjoni fl-iskejjel u anke fost il-pubbliku in ġenerali. 

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll id-Deputat Nazzjonalista David Agius.