Ċifri maħruġa llum mill-Eurostat juru kif il-Gvern Malti niżżel lil pajjiżna taħt il-medja Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam mal-GDP – il-ġid li joħloq il-pajjiż.
L-istatistika maħruġa tirreferi għall-ewwel tliet xhur tas-sena, u ma tantx tindika stampa sabiħa għal Robert Abela u sħabu. Dan apparti li tikkonferma kif verament pajjiżna għandu bżonn bidla fil-mudell ekonomiku; xi ħaġa li l-PN ilu xhur sħaħ jisħaq fuqha.
Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li fl-ewwel kwart tas-sena Malta kellha tnaqqis fil-GDP. dan meta fl-UE, bħala medja, kien hemm tkabbir. Fuq sena, il-GDP ta’ pajjiżna naqas b’0.5 fil-mija.
L-akbar tkabbir ekonomiku kien reġistrat mill-Polonja, il-Lussemburgu, il-Protugall u l-Kroazja. Pajjiżi żgħar bħal Ċipru u l-Latvija kellhom ukoll riżultati ekonomiċi ferm aħjar minn dawk li kiseb il-Gvern ta’ Abela.
L-istess ċifri tal-Eurostat jindikaw li Malta tinsab fit-tieni post f’dak li għandu x’jaqsam ma’ żieda fl-impjiegi, għalkemm l-uffiċċju Ewropew jitfa’ dawl fuq il-fatt li l-konsum tan-nies qed jonqos. Dan b’riżultat tal-inflazzjoni u ż-żieda fil-prezzijiet.
//= $special ?>