Internazzjonali Lokali

Esperjenza ta’ żagħżugħ Malti fi Kiev fl-eqqel tal-bumbardamenti Russi

Artiklu miktub minn Joe Cassar

Andrè Bonello hu żagħżugħ Malti li kien ilu bil-ħsieb li jżur l-Ukrajna proprju bħalissa meta l-pajjiż jinsab għaddej minn gwerra qalila mar-Russi li ilha għaddejja mit-22 ta’ Frar tas-sena li għaddiet. Fil-jiem li għaddew irnexxielu jagħmel dan u llum irritorna b’bagalja ta’ esperjenzi mħallta.

Iltqajt miegħu fl-uffiċċju tiegħi fid-Dar Ċentrali u tlabtu jirrakkontali fil-qosor l-esperjenza tiegħu, partikolarment il konverżazzjoni li kellu ma’ Mariya, omm qalbiena Ukrena li fi ftit ġimgħat tilfet lil żewġha u lill-għarus ta’ bintha Yaryna.

Andrè, impjegat ta’ Caritas Malta, qalli li kienu ilu jberren f’moħħu l-ħsieb li jżur l-Ukrajna, minkejja l-perikli kollha, anki minħabba xi ħbieb li għandu hemmhekk li spiss jikkomunikaw miegħu u jgħidulu minn liema diffikultajiet jinsabu għaddejjin.

“Ftit ġimgħat ilu ddeċidejt li naqta’ biljett lejn il-Polonja u mbagħad naqbad it-tren lejn il-belt ta’ Lviv fl-Ukrajna u minn hemmhekk nibqa’ nieżel lejn il-kapitali Kiev.”

Hu qalli li kellu esperjenza qawwija iktar milli basar u issa jista’ jifhem aħjar minn xiex għaddej dan il-poplu li ilu jsofri attakki aggressivi mill-armata Russa għal aktar minn ħmistax-il xahar.

Andrè ddeskriva l-atmosfera bħala waħda tqila għalkemm hemm ukoll l-aspett pożittiv ta’ nies qalbiena u kuraġġużi b’sens kbir ta’ solidarjetà u appoġġ lejn xulxin.

“L-ewwel lejl kien wieħed verament iebes. Il-ħsejjes tal-bumbardamenti fi Kiev kienu kontinwi. Kont avżat li kien se jkun hemm dawn l-attakki, li bdew għall-ħabta tas-2am u l-ħoss tas-sireni minn dak il-ħin ma waqafx. Il-ħsejjes tal-missili neżlin għal fuq Kiev kienu qawwija imma d-diżastru kien ikun ikbar kieku l-Ukreni ma kinux preparati wkoll b’armamenti li kapaċi jinterċettaw il-missili mwaddba minn drones kbar Russi fl-ajru Ukren.”

Andrè jħoss li r-Russi ma kinux qed jattakkaw biss bil-missili u l-armamenti imma anki bi strateġija psikoloġika, fis-sens li jattakkaw billejl biex iżidu mat-trawma li diġà għaddej minnha l-poplu Ukren.

“Jiena mort f’postijiet fejn bosta nies u tfal qed jgħixu refuġjati f’pajjiżhom stess għax tilfu djarhom u kulma kellhom u llum m’għandhom imkien fejn joqogħdu. Minkejja kollox, huma nies qalbiena li jibqgħu jittamaw li l-gwerra ma ddumx ma tintemm u li pajjiżhom jibqa’ tagħhom u tagħhom biss. Jittamaw u jemmnu li dakinhar ikun għalihom bidu ġdid biex taħt il-bandiera safra u blu tperper fuqhom jerġgħu jibdew jibnu mill-ġdid. Jibnu ħajjithom u jibnu pajjiżhom, li bħalissa qed jarawh jiġġarraf quddiemhom.”