Il-Pulizija Franċiża wieġbet immedjatament għal attakk li seħħ wara nofsinar f’park ta’ Annecy — belt fir-reġjun tal-Alpi — u li ħalla pajjiż sħiħ fi stat ta’ xokk u dieqa.
F’dan l-attakk indarbu sitta, fosthom erbat itfal, bi tlieta jkunu rappurtati f’kundizzjoni kritika. L-iżgħar fost dawn il-vittmi — tifel –għad għandu biss 22 xahar iżda mhux magħruf jekk hu jistax jinsab f’periklu imminenti li jitlef ħajtu.
L-investigazzjonijiet qed jikkonċentraw fuq il-mottiv u l-aħħar passi tal-aggressur qabel l-azzjoni. Ir-raġel, identifikat bħala Sirjan ta’ 31 sena, ftit tal-ġimgħat ilu ngħata l-istatus ta’ refuġjat bid-dritt li jmur jgħix fl-Iżvezja ma’ familtu u wara li hu kien ħarab lejn l-Ewropa biex jevita l-vjolenza f’pajjiżu.
Għalissa mhux magħruf jekk l-aggressur setax kellu konnessjonijiet mal-gruppi militanti Iżlamiċi, anki jekk hu informa lill-pulizija li kien membru tal-komunità Kristjana fis-Sirja. Kelliema għall-pulizija qalu li ma raw xejn fuq ir-rekord tal-arrestat li seta’ jindika storja ta’ vjolenza — bil-prosekuturi, għalissa, qed jeskludu għal terroriżmu.
Wieħed min-nies fuq il-post tal-attakk kien l-eks plejer tal-futbol, Anthony Le Tellec — li għamel żmien fuq il-kotba ta’ Liverpool, Sochaux u Annecy — u li ra b’għajnejh lill-aggressur waqt li kien qed jattakka lil raġel anzjan b’sikkina.
Le Tellec qal li l-aggressur, f’ħin minnhom, resaq lejh u li hu beda jgħajjat lill-pulizija fil-viċinanzi biex jisparaw għal fuqu minħabba l-periklu kbir għall-pubbliku, Ftit tal-ħin wara, il-pulizija li waslu fuq il-post sparaw lejn l-aggressur u ferewh f’saqajh qabel żammewh taħt arrest.
Filwaqt li l-pajjiż jinsab mitluf f’xokk għal dak li seħħ, il-President Franċiż Emmanuel Macron sostna, fi stqarrija, li l-poplu jinsab imbikkem għall-attakk bla sens li qal qed jitqies bħala daqqa ta’ stallet fir-ruħ tas-soċjetà.
Jidher li l-aggressur kien ħebb għat-tfal li nzerta quddiemu fil-park qabel ħareb fuq il-post u fejn imbagħad attakka lir-raġel, sekondi qabel il-konfront mal-pulizija. L-inħawi partikulari kienu anki mimlijin bit-turisti li jinsabu għal btala fir-reġjun tal-Alpi u li wkoll, wara, espimew xokk dwar l-iżviluppi drammatiċi waqt li kienu intervistati mill-istampa Franċiża.
Waslu wkoll fuq il-post numru ta’ suldati armati li stazzjonaw ruħhom f’diversi zoni fil-park u l-madwar bħala miżura ta’ sigurtà u waqt li kienu għaddejjin l-investigazzjonijiet.
Il-Prim Ministru ta’ Franza, Elisabeth Borne, ftit tal-ħin ilu waslet fil-belt ta’ Annecy biex tesprimi personalment is- simpatija u solidarjetà mar-residenti ta’ dik il-belt. Dan waqt li f’Pariġi, id-deputati kollha ngħaqdu għal minuta silenzju fil-Parlament, b’simpatija mal-familji tal-midruba
//= $special ?>