Lokali Qorti

Ħati li fera lil martu b’daqqa ta’ ras fuq snienha

Raġel ta’ 61 sena mill-Imtarfa u residenti San Ġwann ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sentejn wara li nstab ħati mill-Maġistrat Nadine Lia li fera ħafif lil martu wara argument sħun li seħħ bejn il-koppja li spiċċa bil-ħati jagħti daqqa ta’ ras fuq wiċċ martu fejn laqtilha snienha. Il-ġlieda eskalat hekk kif il-mara talbet lil żewġha xi flus biex tmur tixtri xi affarijiet tal-merċa.

Il-Qorti li ma sabirx lir-raġel ħati li nsulenta u hedded lil martu qalet li wara li rat l-artikolu 383 tal-Kodiċi Kriminali, sabiex tipprovdi ghaż-żamma tal-Ordni Pubbliku, u b’zieda mal-piena qed torbot lill-ħati għall-perjodu ta’ sena mid-data tas-sentenza taħt penali ta’ €1,000.

Il-Qorti ordnat ukoll il-ħruġ ta’ Ordni ta’ Trażżin kontra r-raġel favur martu. Inizzjalment hu kien qed jiġi mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq il-mara iżda mill-provi rriżulta li l-ferita kienet waħda ħafifa. Ir-raġel spjega li fil-preżent telaq mid-dar matrimonjali u li l-aktar problema li kellu qabel ma telaq kienu minħabba li bintu kienet qed toħroġ
ma’ ġuvni li huwa iqies mhux sew u għalhekk, ma riedx li ddaħħlu d-dar.

Il-mara xehdet li kien għall-ħabta tat-7.45am, meta talbet lir-ragel xi flus sabiex tkun tista’ tixtri l-affarijiet tal-ħasil, dan irreaġixxa billi qabad jgħajjat u x’ħin kienet aljenata, taha daqqa b’rasu fuq snienha. Qalet li bid-daqqa waqgħet għal daharha mal-art u bdiet tibki bl-uġigħ. Saħqet li minkejja mit-testijiet ħareġ li ma kellhiex ksur għadha tbati minn uġigħ kbir f’daharha.

Il-mara qalet li dan ma kien l-ewwel inċident ta’ vjolenza min-naħa ta’ żewġha li għandu l-vizzju tal-logħob. Ikkonfermat li l-imputat għandu d-dijabete iżda ma joqgħodx attent f’dak li jiekol u jixrob. Ċahdet li meta inqala’ l-argument in kwistjoni l-imputat kien fuq is-sufan jittaqqab bl-insulina u dan għax huwa jieħu l-insulina fil-kamra tiegħu u mhux fuq is-sufan tal-living room.

B’referenza ghall-inċident ir-raġel stqarr li għall-habta tas-7:00am. kien fil-kċina bil-wieqfa u kien ser jittaqqab bl-insulina f’koxxtu. Martu staqsietu jekk kellux ħwejjeġ għall-ħasil u hekk kif dawwar rasu, laqatha ħdejn sidirha u
waqgħet għal fuq is-sufan u dak il-ħin, il-labra tas-siringa tgħawwġet f’koxxtu. Minn naħa tagħha, martu bdiet tgħajjat li kien qed isawwatha.

Qal li jekk laqatha, dan kien bi żball u ma kellu l-ebda intenzjoni li jagħmel dan. Innega li l-inċident kien seħħ wara argument fuq il-flus ma’ martu u sostna li kull nhar ta’ sibt kien iħallilha €50 għax-xiri. Innega ukoll li kellu vizzju tal-loghob u sostna li l-uniċi drabi li kien joħrog waħdu kien meta l-mara tfixklu milli jara l-logħob tal-futbol fuq it-TV.

Sostna li għolla rasu f’daqqa u laqatha wara li marret viċin tiegħu u ħasditu, partikolarment minhabba li kellu l-labra tal-insulina f’koxxtu. L-Ispettur Sherona Buhagiar, stazzjonat afit-Taqsima Kontra l-Vjolenza Domestika, spjegat fil-Qorti li fl-20 ta’ Settembru tal-2021 kien daħal rapport mat-Taqsima ta’ Kontra l-Vjolenza Domestika mill-mara li kienet ġiet aggredita mir-raġel wara li kienet talbitu xi flus biex tixtri affarijiet għall-ħajja ta’ kuljum.

Il-mara qaltilha li żewġha kien ħa rankatura u b’rasu taha daqqa fuq snienha. Bid-daqqa waqgħet mal-art u weġgħet ukoll idha u darha. Hekk kif irnexxielha tqum issakkret fil-kamra tas-sodda biex tistkenn u tipprova ċċempel għall-assistenza. Minn naha tiegħu l-imputat beda jidgħi u jipprova jidħol iżda imbagħad telaq mid-dar. Il-mara wara marret mat-tifla fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Floriana u giet ezaminata mit-Tabib Dr Justin Rizzo.

Bintha xehdet li kienet ix-xogħol meta ċemplitilha ommha tibki. Qalet li hi u ħuha jkollhom jgħinu lil ommhom finanzjarjament għax missierhom jagħtiha biss €50 fix-xahar. Il-Prosekuzzjoni qalet li fil-passat kellhom inċidenti relatati mal-qrati u hi kienet ħafritlu u li mir-rapport joħroġ li kellu l-vizzju tal-logħob u b’hekk ma kienx ikollu flus x’jagħtiha.

Meta ġie kkonfrontat dwar il-ġrieħi ta’ wiċċha u kif ġraw huwa stqarr li “hi taf kif għamlithom. Hi taf kif għamlithom”. Il-Qorti, innotat kif ix-xhieda tar-raġel u l-mara ma qablux. Qalet li mix-xhieda tat-tifla jidher li hi ma tkellmux minħabba l-attitudni tiegħu. Il-bint ċaħdet dak li f’okkażjoni minnhom qal missierha li ommha kienet waqgħet il-ġurnata ta’ qabel. 

Il-Maġistrat Lia qalet li m’għandhiex tiddubita mix-xhieda tal-bint. Innotat li fix-xhieda tal-mara ma kienx hemm inkosistenzi iżda x-xhieda tar-raġel tqisha bħala dubjuża. Qalet li mill-provi li tressqu ġie pprovat li darab lil martu iżda m’hemmx provi li insulentaha jew heddidha. Għaldaqstant sabitu ħati li weġġa’ lil martu u lliberatu bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sentejn. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar.