Lokali

Il-futur tar-riserva tas-Simar tinsab mhedda bl-iżvilupp

“Il-futur tar-riserva tas-Simar tinsab f’periklu kbir minħabba żvilupp bla rażan. U aħna se nibqgħu għaddejjin bl-għajta tagħna sakemm issir il-bidla.”

Dan kien il-messaġġ li twassal minn Birdlife Malta waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem din ir-riserva hekk kif din iz-zona tinsab mhedda kaġun tal-policies ħżiena tal-ippjanar li se jbiddlu żona ta’ residenzi faċċata tar-riserva fi blokk enormi ta’ appartamenti b’għoli ta’ madwar 7-8 sulari.

Ritratt: Matthew Tabone

L-iżvilupp qrib ir-riserva issa jista’ jwassal sa nofs għalqa faċċata ta’ din ir-riserva.

Ritratt: Matthew Tabone

Ir-riserva ġiet ikkreata fl-1991 u huwa post uniku għal pajjiżna hekk kif ċertu tipi ta’ għasafar ibejtu hemmhekk biss.

Barra minn hekk, din ir-riserva tilqa’ eluf ta’ viżitaturi fis-sena kif ukoll studenti tal-universita li jwettqu riċerka f’din ir-riserva.

Waqt il-konferenza intqal li fl-applikazzjoni tal-ippjanar ma ingħatat l-ebda kundizzjoni sabiex din ir-riserva tkun protetta minn dan l-iżvilupp imsejjaħ “insostenibbli”.

Huma saħqu li l-atmosfera ta’ paċi li toffri din ir-riserva naturali se tinbidel fi trab, storbju kontinwu mill-makkinarju u aktar konkrit.

F’kummenti lil Net News il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana sostna li dan huwa wirt kulturali uniku għal pajjiżna. Filwaqt li esprima d-dispjaċir tiegħu li l-unika ilment li għamlet l-ERA kien dwar it-tniġġis tad-dawl. Dan meta l-ERA suppost tipproteġi postijiet bħal dawn.

Waqt il-konferenza intqal ukoll li dan huwa sintomu tal-problema li għandu l-pajjiż u riflessjoni preċiża tat-tliet talbiet li saru waqt il-protesta nazzjonali ‘Xebbajtuna’ li saret fis-27 ta’ Mejju li għadda.

Sadanittant, BirdLife Malta se tkun qed tikkontesta dawn il-permessi għall-iżvilupp quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar ….u anke fil-Qorti.