Lokali

“Il-Gvern ta’ Robert Abela qabad direzzjoni ħażina għal pajjiżna”

Il-Gvern ta’ Robert Abela jeħtieġ li jbiddel id-direzzjoni ta’ pajjiżna għaliex b’kull ġurnata li tgħaddi l-problemi qed jiżdiedu.

Dan intqal fl-Editorjal tal-Ħamis tal-ġurnal The Malta Independent b’reazzjoni għar-riżultati tal-Euro Barometer li wera biċ-ċar kif il-poplu Malti u Għawdxi qed jinkwieta l-aktar dwar l-għoli tal-ħajja u huwa mxebba bl-iżvilupp bl-addoċċ u bi flus mormija f’deals frawdolenti.

Fil-fatt, il-ġurnal isemmi l-bini li qed ikompli jiżdied b’detriment kbir għall-ambjent, kif ukoll l-€400 miljun li ngħataw lil Steward u Vitals f’deal frawdolenti – miljuni li għadhom ma ingħatawx lura lill-poplu.

L-Editur jgħid illi dan l-istħarriġ joħroġ fid-deher kif Malta – taħt il-Gvern ta’ Robert Abela – mhix sejra fid-direzzjoni t-tajba. Dan hekk kif 42% jemmnu li pajjiżna qabad rotta ħażina.

Is-survey tal-Euro Barometer pinġa stampa mill-aktar inkwetanti għal pajjiżna hekk kif kien hemm żieda ta 29% mis-survey tas-sena li għaddiet f’dak li għandu x’jaqsam ma nies illi jemmnu li pajjiżna mhuwiex qiegħed f’qagħda tajba.

Hawnhekk l-editorjal jgħid li dawn ir-riżultati inkwetanti mhumiex attribwiti għal problema waħda biss; iżda għal diversi affarijiet li seħħew matul ix-xhur li għaddew. Barra minn hekk, l-editur qal li minkejja l-miżuri li ttieħdu sabiex il-poplu jkun jista’ jlaħħaq mad-daqqa tal-għoli tal-ħajja 6% biss tal-parteċipanti qalu li jinsabu kuntenti bil-mod kif il-Gvern indirizza din il-problema.

62% tal-parteċipanti jemmnu li l-kwalita’ tal-ħajja naqset u se tkompli tonqos fix-xhur u s-snin li ġejjin.

U propju għalhekk l-editur qal li l-poplu Malti u Għawdxi qed jistenna aktar mill-Gvern rigward miżuri li jindirizzaw l-għoli tal-ħajja. Fil-fatt, kellu jkun il-Partit Nazzjonalista li joħroġ bis-soluzzjonijiet sabiex tittaffa d-daqqa tal-inflazzjoni u l-piż kbir tal-prezzijiet – proposti li Robert Abela qed jibqa’ jinjora.