Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Ir-Russi jistgħu ma jestendux il-ftehim dwar il-qmuħ

Ir-Russja qed takkuża lill-Ukrajna dwar attakk fuq pipeline tal-ammonia fost l-insistenza li din l-azzjoni tista’ tħalli ‘impatt negattiv’ għall-isforzi lejn it-tiġdid ta’ ftehim importanti li jippermetti l-esportazzjoni tal-qmuħ mir-reġjun lejn bnadi oħra fid-dinja.

Ir-Russi qalu li gruppi ta’ ‘aġenti Ukreni’ wettqu sabutaġġ fil-pipeline ta’ Tolyatti-Odesa, bil-Kremlin jagħmilha ċara li mgħandux iġedded il-ftehim tas-sena l-oħra mal-Ukrajna, dment li l-pipeline ma jkunx qed jiffunzjona ‘mija-fil-mija’.

Min-naħa tiegħu, il-President Ukren,  Volodymyr Zelensky, ċaħad l-allegazzjonijiet u insista li l-isplużjoni fil-pipeline kienet dovuta għall-bumbardamenti tal-istess Russi.

Il-pipeline inkwistjoni, qabel il-gwerra, kien jesporta mat-2.5 miljun tunnellata ta’ ammonia fis-sena. Dan meta l-pipeline jestendi mill-belt Russa ta’ Tolyatti  għal tliet portijiet fil-Baħar l-Iswed u li jinsabu fin-Nofsinar u l-Punent tal-Ukrajna.